B’investiment ta’ żewġ miljun mitt elf ewro l-Gvern nieda ħames boroż ta’ studju biex l-istudenti Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu javvanzaw fl-istudji tagħhom.
Dan propju tħabbar mill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, fejn spjegaw li dawn il-boroż ta’ studju huma dwar l-istudju tal-edukazzjoni terzjarja, l-istudju tal-Arti, tal-isport u dwar studji veterinarji fost oħrajn.Il-Ministru Caruana qalet kif dan l-investiment huwa opportunità oħra għall-istudenti biex ikomplu l-istudji tagħhom u jiżviluppaw aktar l-għarfien u l-ħiliet tagħhom.
Qalet, “Għandek l-isport, l-arti, l-edukazzjoni terzjarja u diversi aspetti li permezz ta’ dawn il-fondi l-istudenti tagħna ħa jkunu jistgħu jmorru barra minn Malta u se jkomplu jistudjaw. Dan huwa impenn importanti ħadna u investiment fl-istudenti tagħna u huwa wkoll investiment fil-futur ta’ pajjiżna.”
Fost l-oħrajn dawn il-boroż ta’ studji mistennija jgħinu lill-istudenti biex ikunu jistgħu jsegwu programmi ta’ studju ta’ edukazzjoni għolja, jagħtu importanza lill-Arti, jippromwovi l-iżvilupp ta’ atleti bi prestazzjoni għolja li eventwalment se jirrappreżentaw lil Malta f’kompetizzjonijiet internazzjonali u jagħtu opportunità lill-veterinarji jsibu impjieg.
Hemm borża oħra li hija iffinanzjata minn fondi Ewropej, fejn is-Segretarju Parlamentari spjega li din se tkompli ssaħħaħ l-ħiliet ta’ dawn l-istudenti.
Qal, “Permezz tal-iskema endeavour ninvestu tmien mitt elf ewro biex aktar persuni jkollhom l-opportunità li jtejbu taħriġ u t-tgħalim tagħhom. Dawn humwa fondi li permezz tagħhom nagħtu għajnuniet għal aktar tagħlim u dan huwa investiment fil-persuni u fl-edukazzjoni u aktar minn hekk f’aktar ħiliet biex ikollna aktar persuni mħarrġa f’pajjiżna.”
Barra minn hekk, se titnieda skema ġdida għaż-żgħażagħ biex igawdu minn għotja biex jitgħallmu lingwa barranija, barra mill-pajjiż.