Il-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli (The Responsible Gaming Foundation – RGF) irrappreżentata u l-Università ta’ Malta ffirmaw ftehim li jispeċifika l-oqsma ta’ kooperazzjoni reċiproka.
L-għan tal-RGF tinkludi l-ħolqien ta’ għarfien aktar wiesa’ tal-kobor tal-problemi assoċjati mal-logħob f’Malta, kif ukoll il-kawżi possibbli u l-konsegwenzi tagħhom, bil-ħsieb li tipprevenihom, u li tipprovdi l-appoġġ u l-pariri meħtieġa għal logħob tal-azzard bi problema u d-dipendenti tagħhom.
Għal dan il-għan, l-RGF qed toffri numru ta’ boroż ta’ studju kull sena għal studenti biex isegwu grad ta’ Master f’oqsma relatati mal-Logħob Responsabbli. Il-Memorandum of Understanding jinkludi l-aċċess għal-Librerija tal-Università għall-istudenti universitarji kollha li jirċievu l-borża ta’ studju u għall-istaff tal-RGF, u l-kollaborazzjoni fir-riċerka – inkluż ħidma flimkien sabiex jinkisbu fondi għal din ir-riċerka mill-Gvern, l-industrija u partijiet interessati oħra.
Il-Fondazzjoni qed tara wkoll li tesplora l-possibilitajiet ta’ apprentistat fl-industrija, filwaqt li l-Università tkun tista’ tanalizza dawn l-esperjenzi.
Il-Ministru Emmanuel Mallia qal li din l-inizjattiva se tkun ta’ benefiċċju kbir għaż-żewġ entitajiet biex jifhmu u jħarsu lill-pubbliku minn problemi soċjali li għandhom x’jaqsmu mal-abbuż tal-logħob u mal-logħob irresponsabbli.
Il-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli teħtieġ l-għajnuna ta’ entitajiet edukattivi bħall-Università ta’ Malta fir-riċerka u fehim aħjar fil-qasam tal-logħob biex tiżdied il-kuxjenza dwar id-dipendenza fuq il-logħob u biex jitfasslu politiki effettivi. Il-Ministru Emmanuel Mallia saħaq li dan l-għan jista’ jintlaħaq permezz ta’ studju profond u t-tkabbir tal-għarfien dwar dan is-settur.
Iċ-chairman tal-Fondazzjoni Silvio Schembri saħaq dwar l-importanza tar-riċerka fis-settur tal-logħob. Huwa sostna li r-riċerka ttejjeb it-trattament mogħti lill-vittmi ta’ dipendenza fuq il-logħob tal-azzard u tibbenefika l-prattika tax-xogħol soċjali b’mod ġenerali. Il-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli, permezz tal-kampanji differenti tagħha, li jinkludu l-Outreach and Educational Campaign, qed tistinka biex tilħaq vittmi tal-logħob u tipprovdilhom l-appoġġ meħtieġ.
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella, laqa’ l-kollaborazzjoni mal-RGF u l-iskema offruta ta’ boroż ta’ studju. Huwa qal li l-benefiċjarji ser jiksbu għarfien speċjalizzat f’aspetti tal-logħob bħal Logħob Responsabbli, l-Infrastruttura tal-Logħob tal-Azzard, Iż-Żgħazagħ u l-Logħob tal-Azzard, It-toroq li jwassal għalihom il-Logħob tal-Azzard u l-Familja. Huwa kkummenta li dawn huma oqsma fejn hemm nuqqas ta’ studju u għalhekk, ir-riċerka tal-istudeni se tikkontribwixxi għal kisba akkademika f’din l-isfera u sservi wkoll bħala bażi għall-iżvilupp ta’ politika u prattika fis-settur.