Imrobbi f’Bormla.
Għalih il-belt Cospicua hija n-numru wieħed.
Ħalla pajjiżna ma’ familtu ta’ tnax-il sena u studja f’Università fl-Istati Uniti.
Illum jaħdem fil-kamp Repubblikan fix-xena politika Amerikana u huwa persuna qrib ħafna Donald Trump, tant li jakkumpanjah f’bosta okkażjonijiet u jkun viċin tiegħu ferm.
Sergio Gor, ħadem fost oħrajn bħala produttur ma’ FOX News, mas-Senatur Repubblikan Rand Paul u kien anki Chief of Staff tal-Finanzi fl-aħħar elezzjoni Presidenzjali ta’ Trump.
Jiddeskrivi lil Trump bħala persuna interessanti, ta’ mingħajr kantunieri u dak li jgħidlek, jagħmlu.
Lil hinn mill-iżviluppi politiċi, Sergio Gor, illum ċittadin Amerikan iżda l-Malti ma nsihx, irrakkontalna episodju leġġer li kellu ma’ Trump fil-bidu tal-Presidenza.
Qal, “Kien għadu kemm tela’ President u stieden Senatur u lili u morna nilagħbu l-golf miegħu u dan l-Amerka għandu l-lukandi, għandu l-golf courses, ir-ristoranti. Morna golf tiegħu u xħin wasalna ħares lejja, qalli inti hekk ħa tilbes? Għedtlu hawn xi ħanut filkas nixtri xi ħaġa jien, qalli imxi. Għamel idejh fuqi u dħalna ġo dan il-ħanut, għedtlu bully mela ħa nixtri xi ħaġa. Qalli le, le le. Inti hawn mistieden tiegħi. Nixtrilek jien. Għedtlu le Sur President, la ġejt, nonfoq ftit flus la qiegħed hawn. Qalli le, ħa nagħżillek jien. U trid tarah mar hemm jagħżel, u flokk u qmis, kollox, normali u vera ħadna pjaċir.”
B’Malti tista’ tgħid perfett, Gor tkellem magħna dwar il-fatt li għalkemm sezzjonijiet fil-midja jpinġu lil Trump bħala persuna mhux daqstant paċifista, waqt il-Presidenza tiegħu rnexxielu jagħmel dak li ħaddieħor qatt ma rnexxielu jagħmel.
Spjega, “Trump businessman, jiġifieri jrid jasal minn punt A sa punt B. Meta qalulu ma tistax tmur tmexxi l-mexxej tal-Korea ta’ Fuq, qalilhom x’jiġifieri ma nistax immur inkellem lill-mexxej tal-Korea ta’ Fuq? Qabad u mar. Issa Presidenti oħrajn, snin twal jippreparaw, jiddiskutu, Trump mil-lum sal-għada, fuq l-ajruplan, fuq l-Air Force One u għall-Korea ta’ Fuq. Issa rranġa kollox? Il-mistoqsija għadha miftuħa. Pero f’dawk l-erba’ snin li għamel bħala President, il-Koreani ta’ Fuq waqfu t-testijiet tal-bombi. Qabel, kull ħmistax test ta’ bomba u issa erġajna bdejna bihom. Jiġifieri dawk l-erba’ snin, kellna naqra kwiet.”
Sergio Gor, li sa issa għadu viċin Donald Trump, qed jaħdem għall-elezzjoni f’nofs il-Presidenza ta’ Joe Biden, li teleġġi r-rappreżentanti fil-Kungress Amerikan, jiġifieri fil-Kamra tar-Rappreżentanti u fis-Senat.
Saħaq magħna li sa issa l-opinjoni pubblika għandha xejra pożittiva għall-kamp Repubblikan.
Min-naħa l-oħra tkellem ukoll fuq ix-xena politika Maltija u l-mexxejja ta’ dan il-pajjiż, anki waqt pandemija.
Qal, “Li nista’ ngħid, mhux posti biex nindaħal pero kemm il-Prim Ministru li għandkom issa u kemm il-Prim Ministru li kellkom qabel, il-ġid li għamlu f’Malta tarah. Kont ma’ sħabi, dak għandu dgħajsa, dak għandu mutur, dak għandu penthouse. Malta tant avvanzat, issa jien tlaqt fl-1999, jiġifieri fuq għoxrin sena, f’dawn l-aħħar għoxrin sena inkredibbli x’sar hawn Malta.”