Is-sena d-dieħla Bormla se tfakkar il-75 Sena mill-Pellegrinaġġ Nazzjonali li kien sar fi tmiem il-gwerra minn Birkirkara għal Bormla bil-vara u bil-Kwadru Inkurunat bħala ringrazzjament għax il-Knisja ta’ Bormla baqgħet wieqfa minkejja li tinsab viċin ħafna tat-tarzna.
Għal dan il-għan twaqqaf kumitat apposta biex jieħu ħsieb dawn il-festi u flimkien mal-Parroċċa ta’ Birkirkara qed jaħdmu biex isiru festi speċjali fiż-żewġ lokalitajiet.
Waħda mill-inizzjattivi hija kompetizzjoni għal-logo tal-Festi. Fiha qed issir sejħa għall-artisti Maltin biex jipparteċipaw f’kompetizzjoni li tagħlaq fit-12 ta’ Awwissu biex imbagħad is-Sibt 25 t’Awwissu, li jkun l-Ewwel Sibt tal-Kunċizzjoni f’Bormla, jitħabbar ir-rebbieħ.
Fit-tieni inizzjattiva qed isir appell lil kull min għandu ritratti u filmati tal-avveniment tas-sena 1944, kif ukoll dawk tas-snin 1969 (meta kien sar Pellegrinagg ta’ tifkira f’għeluq il-25 sena) u ta’ l-1994 (eghluq il-50 Sena). Dawn huma mitluba li jew jgħaddu kopja tagħhom jew inkella jgħadduhom lill-kumitat, issir kopja u jerġgħu jingħataw lura. Il-ħsieb huwa li matul is-sena d-diehla ssir wirja b’dawn ir-riżorsi.
L-applikazzjonijiet tal-kompetizzjoni tal-logo jinġabru mis-Sagristija tal-Parroċċa ta’ Bormla.