Il-Ħadd filgħodu, il-Kolleġġjata ta’ Marija Immakulata f’Bormla kienet armata bħal jum tat-tmienja ta’ Diċembru.
Dan hekk kif Bormla fakkret il-mitejn anniversarju mindu l-Parroċċa f’din il-Belt saret Kolleġġjata.
Kien fis-sbatax ta’ Lulju tal-1822 meta nħareġ id-digriet mill-Papa Piju VII biex il-Paroċċa ta’ Marija Immakulata ġiet mgħollija għad-dinjità ta’ Kolleġġjata.
Wara l-quddiesa pontifikali kkonċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta l-Ħadd filgħdodu, il-Monsinjur Charles Scicluna poġġa warda tal-filugranu bid-deheb taħt il-kwadru titulari ta’ Marija Immakulata.
Din il-warda tpoġġiet mill-Bormlizi b’ringrazzjament u tifkira ta’ dawn il-mitejn sena Kolleġġjata.
Ix-xahar li għadda, din il-warda tbierket ukoll mill-Papa Franġisku waqt l-Udjenza Ġenerali fil-Vatikan.
Il-Ħadd filgħodu, il-Kolleġġjata ta’ Bormla kienet armata bl-isbaħ armar u f’nofsha spikkat l-istatwa titulari ta’ Marija Immakulata.
F’dawn il-festi speċjali f’Bormla, is-Sibt filgħaxija l-istatwa devota tal-Kunċizzjoni nħarġet mat-toroq tal-Belt Cospicua b’mod proċessjonali.
L-istennija issa għal Bormliżi hija għal jum tat-tmienja ta’ Diċembru, meta tkun iċċelebrata l-festa ta’ Marija Immakulata u dejjem jekk it-temp jippermetti l-istatwa toħroġ għat-tieni darba mat-toroq tal-belt Bormliża din is-sena, wara s-sentejn ta’ pandemija.