Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, it-team malti tat-Table Football, Bormla Subbateo Club, rebaħ il-Grand Prix ta’ Vjenna. It-ream bormliż li huwa seed numru 3 fir-rankings dinjija tal-Fistf, fil–finali għeleb lil Bologna Tigers 3-1.
Fil-fażi tal-gruppi, Bormla SC rebħu t-tliet logħbiet tagħhom: b’żewġ rebħiet identiċi, 4-0 kontra Pinco Devils TC tal-Italja u Royal Kaisermuhlen tal-Awstrija. Il-logħba l-oħra spiċċat bi skor ta’ 3-0 kontra TSC Phoenix tal-Awstrija.
Fis-semifinali, Bormla SC rebħu kontra Royal Kaisermuhlen 2-1 u fil-finali l-Bormliżi għelbu lil Bologna Tigers 3-1. Dan kien it-tieni suċċess għall-2024, u ripetizzjoni tar-rebħa tal-GP Awstrijak tal-2022.
It-team ta’ Bormla SC kien kompost mill-captain Charlie Aquilina, flimkien mal-plejers Jason Pisani, George Ebejer, Thomas Ebejer, il-Belġjan Bessim Golger, l-Awstrijak David Busch.
Fil-logħob individwali li sar is-Sibt, il-plejers ta’ Bormla SC kisbu riżultati mill-aqwa. L-Awstrijak David Busch rebaħ il-kategorija tal-Veterani u martu Katarina Waldorf Busch rebħet il-kategorija tan-nisa. Fil-kategorija Open, Bessim Golger wasal sas-semifinali u Thomas Ebejer fil-kategorija U20 wasal sal-finali .
L-impenji li jmisshom Bormla SC huwa l-ġimgħa d-dieħla f’Mallorca fi Spanja segwiet mill-Grand Prix ta’ Malta MTFSA fl-aħħar ġimgħa t’April.