Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson talab lir-Reġina sabiex tissospendi l-Parlament Ingliż minn issa sal-bidu t’Ottubru li ġej.
Fix-xhur li għaddew is-sitwazzjoni politka fir-Renju Unit kienet waħda mqallba għall-aħħar hekk kif l-eks Prim Ministru Theresa May tilfet diversi voti fil-House of Commons b’rabta ma’ Brexit.
Sabiex jevita dawn iċ-ċirkostanzi u ma jgħaddix mill-umiljazzjoni li għaddiet May, Johnson ddeċieda li jissospendi l-Parlament.
Huwa esprima l-pjan tiegħu permezz ta’ ittra mibgħuta lill-Membri Parlamentari kollha.
Din wasslet għal baraxx ta’ kritika fil-konfront tiegħu hekk kif ħafna qed iqisu dan il-pjan bħala azzjoni diretta li se twassal lir-Renju Unit biex jitlaq mill-Unjoni Ewropea bla ftehim.
L-espert tal-amministrazzjoni pubblika, il-Professur Godfrey Pirotta qal li jekk ir-Renju Unit jitlaq mill-Unjoni Ewropea bla ftehim se jkun hemm riperkussjonijiet kbar.
“Ħafna mir-rapporti li kienu sigrieti imma ġew ileakjati mill-midja juru li l-Gran Brittanja se tiffaċċja problemi b’no deal Brexit. Mhux problemi żgħar anki ta’ supply ta’ ikel mediċinali u affarijiet oħra bħal dawn.”
Saħaq li dan l-aġir tal-Prim Ministru Ingliż huwa riflessjoni ta’ biża’ kkaġunata minn nuqqas ta’ fiduċja.
“Jien naħseb Prim Ministru jrid ikun kapaċi li juri li għandu l-maġġoranza. Din is-sitwazzjoni l-Gvern qed jgħid jien m’għandix maġġoranza. Ma nistax nifhem jien kien l-Ewropa se tinnegozja miegħu jew tista’ tinnegozja ma’ xi ħadd li ma jurix li għandu maġġoranza.”
Matul il-jum, diversi Membri Parlamentari Ingliżi fosthom l-ispeaker tal-Kamra John Bercow attakkaw din id-deċiżjoni fejn saħqu li Johnson se jċaħħad il-membri parlamentari milli jaqdu dmirhom u jwasslu għal Brexit bi ftehim.
Intant, kawża ta’ petizzjoni fuq is-sit tal-Parlament Ingliż, il-Parlamentari issa se jiddiskutu din l-aħħar mossa tal-Prim Ministru Johnson tant li fi ftit sigħat mindu bdiet, kienu aktar minn tliet mitt elf ruħ li ffirmawha.