In-negozjati bejn il-Gvern Ingliż ta’ Boris Johnson u l-Unjoni Ewropea b’rabta ma’ Brexit jinsabu f’punt kruċjali wara li leġislazzjoni li għadda Johnson qed timmina partijiet mill-ftehim tat-tluq tar-Renju Unit minn mal-Unjoni Ewropea. Rapport fis-sit awtorevoli Politico sostna li l-intenzjonijiet tal-Prim Ministru Ingliż infurjaw l-Unjoni Ewropea u sin il-ġimgħa tista tibqa’ mmarkata bħala l-ġimgħa li Brussell jaqta’ qalbu minn Brexit.
Il-leġislazzjoni proposta minn Johnson se tkun qed tagħti s-setgħa lir-Renju Unit sabiex jara liem prodotti li jkunu qed jiġu trasportati lejn l-Irlanda ta’ Fuq jistgħu ikunu fir-riskju li jispiċċaw fir-Repubblika tal-Irlanda u għalhekk ikunu suġġett għall-ħlas ta’ taxxi. Madankollu l-protokolli li kienu maqbula bejn l-UE u r-Renju Unit ma kienux jgħidu hekk fejn fil-qbil li kien intlaħaq jistipula li għandu jkun kumitat maħtur miż-żewġ partijiet li jistipula liema prodotti jkunu suġġetti għal taxxa.
Il-liġi ta’ Johnson tippermetti wkoll lir-Renju Unit biex ineħħi l-bżonn li jimtlew d-dikjarazzjonijiet tal-esportazzjoni għal prodotti li jkunu qed jiġu trasportati bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Renju Unit. Deċiżjoni li wkoll suppost kellha tittieħed fil-kumitat konġunt mal-UE. Is-Segretarju Parlamentari tal-Gvern ta’ Johnson responsabbli mill-Irlanda ta’ Fuq Brandon Lewis sostna li l-Gvern Ingliż jaf li dawn il-miżuri jistgħu jiksru l-liġijiet internazzjonali.
Uffiċċjal tal-UE li huwa involut fin-negozjati mar-Renju Unit stqarr mal-Politico li dan il-pass tar-Renju Unit huwa xokkanti u sostna wkoll l huwa diffiċli li tkun razzjonali ma’ Gvern b’tattiċi popolisti. L-istess uffiċċjal stqarr li din il-mossa hija intenzjonata biex twitti t-triq lejn Brexit li jibtlaħaq mingħajr ftehim.