Il-mezzi tax-xandir fir-Renju Unit qegħdin jirraportaw li l-Prim Ministru Boris Johnson u n-nies tiegħu ġewwa 10 Downing Street qed jaħsbuha bis-serjetà li tissejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija.
Dan fid-dawl tal-iżblokk dwar Brexit u l-kontroversja li nqalgħet il-ġimgħa l-oħra meta Johnson iddeċieda li jissospendi l-House of Commons għal ħames ġimgħat.
Tul il-jum il-Prim Ministru Ingliż qed jiltaqa’ wieħed wieħed mad-deputati Konservattivi, filwaqt li sejjaħ ukoll għallarrieda laqgħa tal-Kabinett.
Fil-fatt għada jerġa jiltaqa’ l-Commons fejn il-partiti fl-Oppożizzjoni mistennija jressqu abozz ta’ leġislazzjoni li tisforza lil Johnson jitlob għal estensjoni oħra ta’ Brexit jekk ma jilħaqx ftehim ġdid mal-Unjoni Ewropea. Dan sabiex jiġi evitat ħruġ mill-UE mingħajr ftehim.
Fil-fatt din il-mozzjoni qed issib l-appoġġ ta’ diversi deputati tal-gvern li lesti jivvutaw kontra l-partit tagħhom stess. Iżda l-Partit Konservattiv wissa li jekk dawn jagħmlu hekk, huma se jiġu sospiżi mill-partit u ma jitħallewx jikkontestaw elezzjonijiet ġenerali f’isem il-partit. Id-deputati għandhom biss sal-aħħar ta’ dil-ġimgħa biex jippruvaw jipposponu l-Brexit, hekk kif mill-ġimgħa d-dieħla tidħol fis-seħħ is-sospensjoni tal-House of Commons.
Johnson ħalef li bis-sewwa jew bid-dnewwa, nhar il-31 ta’ Ottubru r-Renju Unit se joħroġ mill-Unjoni Ewropea.
Jekk il-Prim Ministru Ingliż jagħżel li jmur għal elezzjoni bikrija llum jew għada, huwa jevità l-possibilità li maġġoranza tal-House of Commons twaqqaf jew tipposponi Brexit.
Iżda biex tmur għal elezzjoni ġenerali fir-Renju Unit, trid tgħaddi mozzjoni ta’ xoljiment bl-appoġġ ta’ 75% tad-deputati tal-Commons.
F’dan il-każ, id-deputati li jopponu lil Johnson u Brexit mingħajr ftehim għandhom għażla – jew li jivvutaw għal elezzjoni bikrija li tfisser ħruġ bla ftehim, jew li Johnson jibqa’ Prim Ministru biċ-ċans ta’ ftit jiem biss biex jippruvaw iwaqqfu Brexit.