In-nazzjonijiet li bejniethom itellgħu summit tal-G7 qablu fuq triq ‘il quddiem jekk jagħti l-każ li jkollhom għalfejn jinnegozjaw mat-Taliban.
Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson qal li ser jinsistu fuq kuriduri siguri fejn nies li jkunu jixtiequ jitilqu mill-Afganistan wara l-31 t’Awwissu, jkunu jistgħu jagħmlu dan.
Waqt is-summit virtwali tal-G7, Johnson kien mistenni jqanqal l-idea biex l-Amerikani ma jevakwax fi tmiem ix-xahar mill-Afganistan iżda l-President Amerikan ħa d-deċiżjoni li din id-data tibqa’ f’postha.
Johnson spjega li s-sitwazzjoni fl-ajruport ta’ Kabul mhijiex titjieb u sostna li r-Renju Unit ser jagħmel dak kollu li jista’ sal-aħħar mument biex jibqa’ jevakwa n-nies mill-pajjiż.
Huwa mifhum li l-Ingliżi qed jaħdmu biex iżommu ajruport miftuħ fl-Afganistan anki wara li t-truppi jitilqu mill-pajjiż.
Il-Prim Ministru Ingliż sostna li n-nazzjonijiet tal-G7 għandhom setgħa kbira meta jiġi biex jinnegozjaw mal-grupp militanti.