Il-Partit Konservattiv imexxi minn Boris Johnson kiseb rebħa kbira fl-elezzjoni ġenerali li saret fil-jum tal-Ħamis fir-Renju Unit.
Johnson li se jkun Prim Ministru għall-ħames snin li ġejjin mistenni jkollu maġġoranza komda ta’ ‘l fuq minn ħamsa u sebgħin siġġu fil-House of Commons.
F’kummenti li ta wara li bdew ħerġin aktar ċar ir-riżultati minn għadd ta’ kostitwenzi madwar il-pajjiż, Johnson qal li l-verdett tal-poplu Brittaniku huwa ċar.
Saħaq li issa ma hemm xejn xi jxekkel lill-pajjiż li joħroġ mill-Unjoni Ewropea x-xahar d-dieħel.
“It does look as though this one nation conservative government has been given a powerful new mandate to get BREXIT done.”
Il-Partit Konservattiv kiseb aktar minn tliet mija u sittin siġġu, żieda ta’ qrib il-ħamsin siġġu fuq l-aħħar elezzjoni li saret sentejn ilu.
Il-Partit Laburista kiseb ftit aktar minn mitejn siġġu fil-Parlament, li jfisser li tilef madwar sittin siġġu.
Il-Partit Skoċċiż ta’ Nicole Sturgeon irreġistra progress billi żied mat-tlettax-il siġġu.
Għall-Partit Laburista Ingliż dan kien l-agħar riżultat f’aktar minn kwart ta’ seklu, bil-mexxej tal-Partit Jeremy Corbyn jgħid li mhux se jerġa’ jmexxi l-Partit f’elezzjoni oħra.
“Brexit has so polarised debate it has overridden so much of normal political debate.”
Intant bosta osservaturi politiċi innutaw kif din kienet rebħa kbira għal Johnson li lagħab karta billi sejjaħ elezzjoni bikrija u issa se jkollu appoġġ iżjed ċar biex jilleġiżla fil-House of Commons.
Dawn l-istess analisti nnutaw ukoll kif il-poplu tar-Renju Unit warrab għal kollox il-politika ta’ Corbyn hekk kif kien hemm bosta kostitwenzi tradizzjonalment Laburisti li għażlu li jivvutaw għall-partit ta’ Johnson.