Id-Deputat Nazzjonalista Alex Borg kompla bil-kampanja tiegħu jisħaq li fadal ħafna xi jsir biex il-Partit Nazzjonalista xi darba jkun Gvern alternattiv u jkun jista’ jikseb il-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi.
F’edizzjoni speċjali tal-podcast ta’ Karl Bonaci, fejn ġie diskuss l-aħħar riżultat ħażin għall-Partit Nazzjonalista fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika tal-Malta Today, Borg kompla jesponi l-firda kbira interna li teżisti, b’riżultat tad-dominanza tal-fergħa estremista mmexxija minn Karol Aquilina u ħuh Robert bl-għaqda Repubblika.
Dak li hu meqjus bħala l-filjozz tal-eks Kap Dr Adrian Delia reġa’ sostna li ċerti elementi fil-Partit jieħdu l-poplu for granted u li, bla dubju, hemm xi ħaġa li mhux tiffunzjona u li mhux qed tiġi indirizzata.
Fil-fatt qal li, wara dan l-aħħar survey politiku, il-Partit Nazzjonalista jrid jiżviluppa strateġija li tindirizza l-problemi.
“A proper strategy ħalli jara fejn qed niżbaljaw”.
Alex Borg, Deputat tal-PN
Hu kompla jsostni li l-Partit Nazzjonalista għad irid joffri viżjoni u li mhux biżżejjed li toqgħod tgħid li trid lil dak u lill-ieħor jirriżenja, b’indikazzjonijiet għall-kampanji tal-estremisti. Iżda enfasizza li, biex jitwemmen, il-Partit Nazzjonalista jrid joffri s-soluzzjonijiet.
Dan anke jekk, tul l-intervista, Borg innifsu naqas milli jagħti xi eżempji prattiċi ta’ kieku x’jagħmel, għajr li qal li hu u deputati oħrajn fl-Oppożizzjoni jridu jingħataw aktar widen u prominenza.
Hu sostna li l-front line tal-Partit iridu jkunu nies ġodda, tajbin u li jifhmu eżatt ir-realtà. Dan f’konferma oħra tal-firdiet kbar u l-piki interni fil-Partit Nazzjonalista.
“Però nemmen li ż-żgħażagħ irridu nkomplu nimbottawhom ’il quddiem. Irrid nara li l-frontline tagħna jkunu nies ġodda, nies t’uċuh tajbin, nies ta’ rieda tajba.”
Alex Borg, Deputat tal-PN
Meta mistoqsi minn Karl Bonaci x’inhi l-identità tal-Partit u jekk għandux ikollu aġenda tiegħu u mhux ta’ għaqdiet, bħal Repubblika u Occupy Justice, Borg iddisassoċja ruħu minn għaqdiet simili, filwaqt li kkonferma li sab kurrenti kontrih meta hu ma qabilx mal-istess fergħa estremista.
Hawnhekk hu qal ukoll li ma qabilx mal-protesta bil-borom, anke jekk fjakka, organizzata minn Repubblika, u li hu qatt ma kien se jattendi, għax qal li din “old fashioned” u tnaqqas mill-importanza tal-Oppożizzjoni.
Dan sostnih minkejja li Karl Bonaci fakkru li Bernard Grech kien ingħaqad f’din il-protesta, iżda Borg ikkonferma li hu għażel li jmur festin barra minn Malta flok mar il-Parlament dakinhar.
“Wassalnielu messaġġ ineffettiv tal-importanza u s-serjetà ta’ din ir-riforma.”
Alex Borg, Deputat tal-PN
Hu kompla jitfa’ l-ħatab fuq in-nar u jiddistakka mill-messaġġ tal-estremisti meta ammetta li ċerti riformi fil-mod kif isiru l-inkjesti kien hemm bżonnhom. Konfront dirett kontra l-linja li ħa l-Partit immexxi minn Karol Aquilina u l-establishment.
Hu sostna wkoll li ma qabilx ma’ kif ġie ttrattat l-Ispeaker tal-Parlament, b’referenza għall-aġir arroganti u tal-mistħija tal-istess Aquilina, avolja xorta spiċċa joħroġ ’il barra mill-Parlament kif ordna l-establishment Nazzjonalista.
Borg, għal darb’oħra, kompla jqabbel is-suċċess li, skontu, qed ikollu hu f’Għawdex man-nuqqas ta’ suċċess tal-Partit inġenerali fil-bqija ta’ Malta.
Dan meta fil-verità, skont l-istħarriġ tal-Malta Today, il-Partit Nazzjonalista naqqas l-appoġġ fil-gżira Għawdxija minn 47% fi Frar għal 37% dan ix-xahar, l-akbar daqqa ’l isfel mir-reġjuni kollha.
Fil-fatt it-tmexxija tal-Partit qed timbotta lil Beppe Galea, kandidat alternattiv fuq Għawdex, ladarba Borg iżjed qed jitqies li hu interessat li jkabbar il-profil tiegħu ħalli wara l-elezzjoni joħroġ għal Kap.
Dan ikkonfermah Borg innifsu meta mistoqsi dwar jekk jixtieqx jieħu t-tmexxija Nazzjonalista f’idejh. Hawnhekk indika l-prospetti tiegħu għal wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
“Nara li nimxu għal elezzjoni ġenerali u nġibu l-aħjar riżultat pożittiv. Wara l-elezzjoni ġenerali, imbagħad, dak hemm orizzonti oħra.”
Alex Borg, Deputat tal-PN