L-eks Avukat ġenerali Anthony Borg Barthet huwa wieħed mill-konsulenti tal-kummissarju għall-istandards fil-ħajja pubblika George Hyzler. Hekk żvelat il-gazzetta ‘Illum’ li spjegat kif dan l-eks avukat ġenerali, kien ta n-nolle prosequi kontroversjali lill-eks kummissarju tal-Pulizija George Grech, li kien qed ikun investigat mill-maġistrat Miriam Hayman.
Il-gazzetta qalet kif il-maġistrat kienet qalet kif hemm biżżejjed evidenza prima facie biex Grech jitressaq għal reati ta’ theddid, ta’ attentat ta’ stupru, użu ħażin ta’ fondi pubbliċi u użu ħażin tas-sistema tat-telefonija. Fi żmien Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Eddie Fenech Adami, Borg Barthet, illum konsulent ta’ George Hyzler, kien iddeċieda li ma jipproċedix kontra Grech.
F’artikli fil-gazzetti Illum u Maltatoday, d-direttur eżekuttiv tal-Mediatoday Saviour Balzan qal li jaħseb li Borg Barthet kien wasal għal din id-deċiżjoni wara li xi ħadd mill-Uffiċju tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien kien sefsiflu xi ħaġa f’widnejh. Kompla jinnota kif Borg Barthet kien ta sitt nolle prosequi oħrajn bħala avukat ġenerali.
Fi tweġiba għad-diskors li għamel f’aġġornament ta’ seduta parlamentari il-whip tal-Gvern Glenn Bedingfield, George Hyzler qal li għandu tliet konsulenti li bejniethom jitħallsu €54,000. Flimkien ma’ Borg Barthet għandu wkoll lil Stephen Paris u lil eks editur tal-Malta Independent Rachel Attard. Il-gazzetta Illum qalet kif Borg Barthet ken ingaġġat bħala persuna ta’ fiduċja lura f’April tal-2019 u Rachel Attard kienet ingaġġata f’Diċembru tas-sena l-oħra.
Dwar l-ingaġġ ta’ l-eks editur tal-Malta Independent, Rachel Attard, Saviour Balzan qal kif din għandha storja twila ta’ kitbiet li ma tantx jispiraw fiduċja fix-xogħol indipendenti tagħha f’din il-Kummissjoni.
Il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield ukoll kien qal fil-parlament kif fost l-oħrajn ġiet impjegata persuna li kienet taħdem ma’ ġurnal li f’daqqa waħda, fuq dan il-ġurnal qed jiġu rrappurtati leaks mill-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.