Ir-Rumani kienu kapaċi mhux biss fil-gwerer u fil-bini kbir u majestuż li ħallew warajhom ma’ kull fejn kienu. Ħallew ukoll warajhom sensiela ta’ liġijiet u prinċipji li għadhom hemm sal-lum f’ħafna sistemi, inkluż f’tagħna. Umbagħad hemm saħansitra d-Dutch Roman Law, li hija s-sistema tal-Olanda. Imma nħalluna minn dan kollu, għalkemm interessanti. Ir-Rumani vvintaw il-kunċett tal-Bonus Paterfamilias, li tfisser “il-missier tajjeb tal-familja”.
Il-Bonus Paterfamilias kellu fuq spallejh ir-responsabbiltà kollha tal-familja, li ma konitx tinkludi biss lil martu u lil uliedu, imma anke l-ġenerazzjoni ta’ qabel, u ta’ wara, insomma, fi ftit kliem kien responsabbli għar-razza u r-radika, kif ngħidu aħna.
U biex ikollu l-kwalitajiet tar-raġel tajjeb tal-familja, kien ifisser li jkollu l-għaqal u l-galbu, kif jagħmel kollox bil-qies u fis-sewwa, u mhux biss ikattar il-ġid għall-familja, imma jieħu ħsieb li fejn hemm l-aktar bżonn iwieżen skont il-ħtieġa.
Għalhekk rajtha stramba u bla sens li Adrian Delia u t-trumpetta msejħa UĦM joħorgu jgħidu li l-budget ħa ħsieb irqajja tal-poplu, imma ma kellux viżjoni għal quddiem.
Fiż-żmenijiet imgħoddija l-budgets kienu jagħtuhom isem. Wieħed li niftakar kien ta’ George Bonello Dupuis li kien semmih il-Budget tal-Feniċi, jew Phoenix, għasfur li skont il-mitoloġija, mill-irdim kien qam lura għall-ħajja. Kieku dan il-budget jien nagħtih l-isem tal-Bonus Paterfamilias.
Għax mhux biżżejjed li l-Gvern ifassal programm li jiżdied il-ġid. Miegħu, jekk ikun Gvern ta’ kuxjenza u tal-galbu, jidħol l-aspett l-ieħor importanti ħafna ta’ kif jitqassam il-ġid. Hemm pajjiżi fl-Afrika li huma sinjuruni, imma meta tara kif qed jgħixu n-nies tinduna li mhux kollox ward u żahar. L-istatistika titkellem ras għal ras, imma mhux biżżejjed. Jekk jien niekol sitt pasti fil-ġimgħa, u inti qiegħed ma’ ġenbi u ma tiekol xejn, ras għal ras nieklu tlieta kull wieħed. Imma din mhux verità.
Il-Gvern l-ewwel dawwar ir-rotta tad-dejn, infieq bl-addoċċ, ħela u korruzzjoni, u meta l-ekonomija ġiet fuq saqajha, wasal dejjem iż-żmien li rqajja tas-socjetà li huma minn taħt, il-Gvern jieħu ħsiebhom. Mhux se noqgħod nintilef fuq id-dettalji tal-budget, imma kulħadd jaf, anke Adrian Delia u l-UĦM, li hawn setturi tal-popolazzjoni li messhom ftit aktar mill-cake. U hekk huwa sewwa.
Għax nerġa’ naqbad fuq il-figura tar-raġel tajjeb tal-familja. L-ewwel dmir tiegħu li jżid il-qliegħ, it-tieni li ma jberbqux u jaħliħ fil-vizzji, imma t-tielet li jagħti lil kull wieħed minn uliedu dak li għandu bżonn u li ħaqqu. Għalhekk min għandu għax igerger li l-penzjonanti jagħmlu pass ‘il quddiem, li t-tfal aktar jitgħallmu b’anqas spejjeż, li l-istudenti tal-Università jkollhom stipendju aħjar?
Hekk ikun tajjeb il-misser tal-familja. U jistgħu jivvintaw li jridu l-ġurnali barranin. Il-Maltin ma jaqrawhomx, u l-Maltin jafu aħjar mill-ġurnalisti. U jidher li lanqas il-barranin mhuma mpressjonati. Il-Belt kienet fgata fit-turisti!