Fid-dawl li l-Partit Laburista huwa l-ewwel partit minn dawk ewlenin li rreġistraw mal-Kummissjoni Elettorali, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici u kandidat għall-Deputat Mexxej qal li din hi ġurnata storika “li fiha qed nuru kif isiru l-affarijiet bis-serjetà.” Bonnici qal li din hija okkażjoni oħra li turi biċ-ċar id-differenza bejn iż-żewġ partiti ewlenin f’pajjiżna.
“Fuq naħa r-rieda tal-Partit Laburista li mill-iktar fis possibli jkun konformi ma’ liġi li tibni politika iktar nadifa, u fuq naħa oħra l-insistenza tal-Partit Nazzjonalista li jaħbi u jdur mal-liġi tal-finanzjament biex jersaq ‘il bogħod mit-trasparenza,” kompla jżid Bonnici.
Qal kif huwa ċar li kellu jkun hemm bidla fil-Gvern biex saru liġijiet li jżidu l-kontabbiltà. “Wara li neħħejna l-liġi tal-preskrizzjoni fuq reati ta’ koruzzjoni mill-politiċi u wara li tajna l-protezzjoni liċ-ċittadini biex jikxfu l-korruzzjoni, jiena kburi li, immexxija mill-Prim Ministru, daħħalna liġi tal-finanzjament li permezz tagħha ċ-ċittadin iserraħ moħħu li l-operat tal-partiti huwa wieħed skrutinizzat fejn ma jkun aċċettat ebda abbuż,” qal Bonnici li fisser kif hekk pajjiżna sar wieħed Ewropew.
“Iżda mhux kulħadd jemmen l-istess. Wara reżistenza għal kwart ta’ seklu mill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern biex tiddaħħal din il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, il-Kap tal-Oppożizzjoni ħareġ bi skema ta’ self sigriet,” kompla jisħaq biex juri d-differenza.
“Biċ-ċedoli tal-korruzzjoni, Simon Busuttil iddeċida li jiddejjen biex iħallas id-dejn, b’riskju serju ta’ għotjiet dubjużi minn nies li ħadd m’hu se jkun jaf min huma.
Simon Busuttil għandu problema jekk jaħseb li, wara 25 sena ma jagħmel xejn, issa jista’ jimsaħ saqajh fl-ispirtu tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti,” temm jgħid Bonnici.
AQRA WKOLL: Il-Partit Laburista jirreġistra mal-Kummissjoni Elettorali