L-investiment ta’ seba’ mitt miljun biex isiru t-toroq kollha fil-pajjiż jinsab fl-aħħar fażi tiegħu u fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin mistenni jitħabbar aktar żvilupp dwar is-suċċess ta’ dan il-progett.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Infrastruttura, it-Trasport u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, waqt li tkellem fl-Aġġornament fis-seduta Parlamentari l-Erbgħa.
Bonett qal li, taħt dan il-Gvern, f’seba’ snin saru madwar 1,300 triq, li hu riżultat bla preċedent.
Tenna li, waqt li fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti t-tgergir kien ikun għax mhux jiġu rranġati t-toroq u xi proġett maġġuri kien isir biss qabel iż-żjara ta’ Papa jew Reġina, issa qed jiġri bil-kontra u hawn min jgħid li qed isir wisq xogħol. Sentiment li wkoll irid jiġi kkunsidrat.
Waqt li qal li għad fadal madwar mitt triq oħra biex jitlestew, b’uħud minnhom jiddependu fuq żviluppi li għadhom għaddejjin, Bonett wera l-konvinzjoni tiegħu li l-proġett sħiħ jitlesta sal-aħħar tas-sena d-dieħla.
Qal, “Sal-lum 94% ta’ dan l-impenn monumentali diġà tlesta. Din kienet il-famuża wegħda tas-€700 miljun ta’ toroq ġodda li saret fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista tal-2017. Proġett li beda fl-2018 u qegħdin naraw li sas-sena d-dieħla nkunu lestejnieh.”
Jirriżulta li, sal-lum, ġew investiti ftit aktar minn sitt mija u erbgħa u tletin miljun ewro fil-ħames snin u nofs li għaddew u fadal kważi sitta u sittin miljun oħra biex jintużaw għat-tlestija tal-proġett.
Il-Ministru saħaq li dan ix-xogħol kollu għall-Gvern ma kinux 1,300 proġett differenti, iżda proġett wieħed, fejn 15-il sena ta’ telqa totali fit-toroq ta’ Malta twettaq u sar iżjed minn hekk.
Qal, “Dan ifisser 200 triq fis-sena. Mitejn triq, l-Oppożizzoni kienu jagħmluhom fuq leġiżlatura sħiħa. Biex ma nsemmix li proġett maġġuri kien isir biss jekk ġej il-Papa jew ir-Reġina f’Malta. Mitejn triq fis-sena qed nagħmlu ħames darbiet, l-ammont ta’ xogħol li wettqu huma, Mr Speaker.”
Bonett, li kien qed jirreaġixxi għall-ipokrezija mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista li għamlet sensiela ta’ mistoqsijiet Parlamentari titlob għal kull nitfa dettal dwar it-toroq li saru, semma wkoll li, minbarra t-toroq ġodda, saru xogħlijiet oħrajn anċillari.
Tenna li, fost l-oħrajn, inbidel in-network tal-cables tal-elettriku, li tħallew kif kienu minn żmien l-Ingliżi. Ix-xogħol kien jinkludi s-sostituzzjoni u t-tisħiħ tal-bankini, sistemi ta’ saħħa u sigurtà, sinjali u marki tat-triq, fost oħrajn.
Minbarra hekk, saru passi kbar lejn it-trasport sostenibbli b’investiment f’infrastruttura għaċ-ċikliżmu u l-mixi, b’wieħed u sebgħin kilometru ta’ rotot diġà miftuħa, imqabbla mad-disa’ kilometri li kienu jeżistu qabel l-2013.
Qal li dan mhux biss juri l-impenn tal-Gvern għat-titjib fit-toroq, imma wkoll għall-ħolqien ta’ infrastruttura li hi sostenibbli u moderna.