“Se nkun qed naqsam magħkom proposti u pjan fit-tul sabiex jinbidel dak li huwa neċessarju u l-klabbs ikunu tabilħaqq fuq nett.” Hekk iddikjara l-avukat Chris Bonett meta tkellem dwar il-kandidatura tiegħu għall-President tal-Malta Football Association permezz ta’ messaġġ fuq il-paġna tiegħu fuq facebook.
Wara xhur ta’ konsultazzjoni ma’ dawk involuti fid-dinja tal-futbol Bonett stqarr li fil-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin se jkun qed jispjega l-proposti għall-futur tal-football Malti.
“Bħal ma dejjem għamilt se nagħmel l-almu kollu tiegħi biex din il-ħolma tagħna ssir realtà u għalhekk wara li kkonsultajt mal-membri kollha tal-familja tal-football Malti ħadt id-deċiżjoni li kelli nieħu u qiegħed inħabbar li fl-20 ta’ Lulju li ġej se nkun kandidat għall-Presidenza tal-MFA,” qal l-avukat Bonnet.
Fl-istqarrija tiegħu hu sostna li: “Wasal iż-żmien li flimkien niftħu Kapitlu ġdid fl-istorja tal-football Malti, żmien li fih l-MFA trid tinbidel u ssir football association moderna, imexxija bl-aktar mod trasparenti u tħaddan prinċipji kummerċjali. Żmien li fih it-tfal tagħna jingħataw l-opportunità li jaspiraw li l-football jippratikawh bħala professjoni full-time u jwettqu l-ħolma tagħhom li jkollhom karriera glorjuza. Żmien li fih it-tim Nazzjonali jagħtina l-gost li b’mod regolari ngħajtu ‘gowl’. Żmien li fih il-klabbs tagħna jingħataw l-għodda kollha neċessarja sabiex ikollhom organizazzjoni professjonali, jagħtuna kampjonati mill-isbaħ u jirbħu fl-Ewropa.”
Iktar kmieni llum ikkonferma wkoll il-kandidatura tiegħu għal din il-kariga Bjorn Vassallo.