Wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil ta’ Matthew Zahra f’Awwissu ta’ ħames snin ilu, allega fil-Qorti li kien hemm splussivi neqsin fil-garaxx tal-vittma; li jista’ jkun li ntużaw fil-qtil tal-blogger Daphne Caruana Galizia.
Jason Galea – ta’ wieħed u erbgħin sena minn Birżebbuġa, u Ronald Urry – ta’ disgħa u erbgħin sena minn Raħal Ġdid, jinsabu mixlija li f’Awwissu tal-elfejn u tnax, sparaw u qatlu lix-xufier tat-taxi Matthew Zahra. Galea kien qal li l-vittma kien qed jheddu b’ritratt li kien se jkissirlu ż-żwieġ.
Il-fdalijiet ta’ Zahra kienu nstabu fl-istess għalqa fejn kien hemm il-katavri ta’ Mario Camilleri l-imnieħru u ibnu – li kienu nqatlu f’Lulju tas-sena ta’ wara.
Fil-kumpilazzjoni, Galea – li deher fil-Qorti mingħajr avukat, talab li jindirizza lill-Ispettur tal-Pulizija Fabian Fleri.
Huwa qallu li bil-permess ta’ Matthew, l-Imnieħru kellu tliet bombi fil-garaxx; u staqsa jekk sarux xi investigazzjonijiet f’dan ir-rigward.
Issuġġerixxa li jekk investigazzjonijiet qatt ma saru, u l-isplussivi qatt ma tneħħew, jista’ jagħti l-każ li ntużaw fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-akkużat iddikjara fil-Qorti li meta mar id-Depot biex jitkellem mal-Ispettur dwar dawn l-allegati splussivi, ma kienx sema’ mingħandu.
Il-Maġistrat Josette Demicoli spjegat lill-akkużat li legalment, l-Ispettur ma setax jibgħat għalih mingħajr ma jkun fil-preżenza tal-avukat tiegħu, u lanqas seta’ jikseb informazzjoni li ma kellhiex rabta mal-każ li għalih jinsab akkużat.
Fil-Qorti, Galea baqa’ jinsisti li jrid jitkellem mal-Ispettur, fid-dawl li jumejn ilu kien hawn persuna li nqatlet b’bomba.