Tlettax-il suldat abbord xarabank inqatlu u 56 persuna sfaw midruba wara attakk b’bomba suwiċida f’karozza fiċ-ċentru tat-Turkija.
Fil-ħin tal-attakk is-suldati kienu fi triqthom biex iżuru suq lokali fil-belt ta’ Kayseri. S’issa għadu ħadd ma refa’ r-responsabilità għall-attakk madankollu uffiċjali Torok qed jgħidu li l-moħħ wara l-attakki huwa l-Partit tal-Ħaddiema Kurdi.
Dan l-attakk seħħ ġimgħa wara li nqatlu 44 persuna f’Istanbul.
Il-Gvernatur tar-Reġjun fejn seħħ l-attakk qal li l-bomba kienet biswit xarabank viċin id-daħla ta’ Università.
Id-deputat Prim Ministru Tork qal li l-materjali li ntużaw fl-attakk huma simili għal dawk li ntużaw fl-attakk f’Istanbul. Żied jgħid li s-swaba’ qed jippuntaw lejn il-Partit għall-Ħaddiema Kurdi.