Il-bomba li tpoġġiet ma’ vann u li ħalliet raġel fil-periklu tal-mewt iktar kmieni din il-ġimgħa hija l-istess bħal bomba oħra li splodiet f’karozza sentejn ilu f’Marsaxlokk u ħallliet persuna mejta.
Żvelat dan il-gazzetta KullĦadd li ppubblikat dawn id-dettalji esklussibi fil-faċċata tal-ħarġa tal-Ħadd.
Il-bomba li ħadet waqt li l-vann kien qed jinstaq fil-Marsa, ma kelliex l-istess effett b’saħħtu ta’ dik ta’ sentejn ilu. Iżda, imkejjen qrib l-investigazzjoni kienu ikkwotati jgħidu li t-teknika li ntużat hija l-istess tant li l-pulizija qed timxi fuq it-teżi li l-bomba setgħet saret “mill-istess id.”
Fiż-żewġ każi l-bomba kienet fuq quddiem tal-karozza, proprju fuq barra taħt is-seat.
Fil-każ li seħħ fl-aħħar jiem negozjant Qormi, ta’ 35 sena bl-isem ta’ Josef Cassar u dilettant kbir ta’ żwiemel, spiċċa tilef saqajh. Weġġa’ ħafif ukoll il-passiġġier li kien ma’ Cassar li bħalu huwa involut fin-negozju. Fil-fatt, jirriżulta li t-tnejn kienu fi triq biex jgħamlu biċċa negozju.
Bil-KullĦadd tirrapporta li t-tnejn kienu telqu mill-uffiċċju ta’ Cassar fil-Marsa u kien fi triq biex imorru jiffirmaw kuntratt għand nutra fiż-Żejtun.
Imkejjen qrib il-Korp tal-Pulizija qalu wkoll mal-gazzetta KullĦadd li Cassar qed jgħid ma kulħadd li hu safa fil-mira minħabba għira ta’ negozju. Xi ħaġa li sostnewha wkoll persuni qrib tiegħu li saħqu li seta’ kien fil-mira minħabba l-mod kif kiber fin-negozju tas-siment.
Negozju li ma jistax jonqos li qed ikun fil-mira tal-investigaturi li fl-aħħar snin ltaqgħu ma’ iktar minn każ wieħed ta’ attentat ta’ qtil b’bomba.
Fil-każ ta’ Darren Degabriele, dak li qed jitqabbel ma’ tal-aħħar jiem, in-negozjant minn Marsaxlokk kien miet wara xi jiem fit-taqsima tal-kura intensiva.
Fiż-żewġ każi l-bomba jidher li ħadet permezz ta’ mobile. Dawn it-tip ta’ bombi jitpoġġew fil-post permezz ta’ kalamita, jew inkella jitwaħħlu bl-idejn. Pero’ jrid ikollhom detonatur li jaħdem permezz ta’ mobile u għalkemm għal xi żmien jirriżulta li biex tieħu l-bomba wieħed ried ikun viċin, esperti forensiċi jsostnu li llum dan mhux bilfors ikun il-każ.