Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qed jiffaċċja rivolta ġdida fi ħdan il-Partit tiegħu stess hekk kif fl-aħħar ġimgħat tnieda bojkott assolut kontra t-tmexxija tiegħu minn elementi li huma assoċjati sew mal-establishment.
L-istess forza li għamlitu u mexxietu sal-elezzjoni li għaddiet.
Żvelat dan il-gazzetta Kullħadd, fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd hekk kif spjegat li skond sorsi fil-Partit Nazzjonalista, esponenti magħrufin qed jitkellmu fil-beraħ meta jiġu avviċinati mill-Partit biex jikkontestaw l-elezzjonijiet tal-kunsilli li jmiss.
Fil-fatt, skond l-istess sorsi, dan deher ċar meta l-Membru Parlamentari Ewropew u President tal-istess Parlament Ewropew, Robert Metsola, użat il-festa ta’ Santa Marija f’Għawdex biex tagħti palata lill-PN ħalli jinstabu kandidati simili.
Madankollu hawn hija ffaċċjat il-korla’ ta’ dawk li assolutament ma jridux jafu bil-Partit, fi kliemhom, “sakemm jibqa’ hemm Bernard (Grech).”
Dawk li esprimew fehmithom mal-Metsola f’Għawdex huma magħrufin li huma qrib sew id-Deputat Nazzjonalista Chris Said.
Ma’ Metsola dawn iddikjaraw bla tlaqliq li assolutament ma jridux jikkoperaw mal-Partit, b’indikazzjoni li qed jimxu ma’ struzzjonijiet ċari “għax, kif inhuma l-affarijiet, għalina l-Partit (Nazzjonalista) spiċċa!”.
Skond is-sorsi tal-KullĦadd, dawn l-istess persuni b’dan is-sentiment jiffurmaw ukoll il-klikka li għamlu l-ħajja infern lill-Eks Viċi Kap Robert Arrigo, l-Eks Deputat Mario Galea u ħafna oħrajn.
Fuq dawn il-manuvri, is-sorsi tal-Kullħadd, qalu hekk.
“Eventwalment, jispiċċaw jaqtgħulu qalbu wkoll (lil Grech) u b’hekk jitlaq waħdu mill-pożizzjoni.”
Dwar Chris Said, il-gazzetta Kullħadd kienet irrappurtat kif wara li fl-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu li għadda tilef is-saħħa kbira li kellu għall-kandidat il-ġdid Alex Borg, huwa kien lest iċedi s-siġġu Parlamentari tiegħu sa xahar biss wara.
Minkejja dan, hu kien lest jagħmel dan bil-patt u l-kundizzjoni li postu jieħdu ħuh iżgħar minnu, Edward. Dan tal-aħħar, li wkoll għandu ambizzjonijiet politiċi, igawdi ċerta popolarità u attwalment hu s-Sindku tan-Nadur
Intant, erba’ xhur ilu l-istess gazzetta żvelat kif Chris Said ma ddejjaqx jistqarr li “qed iħossu ltim” wara li ma ngħata l-ebda portafoll fix-Shadow Cabinet Nazzjonalista. Saħansitra ddikjara li qed iħossu agħar minn meta kien hemm Delia Kap, li wkoll kien fdah b’portafoll importanti, avolja kien ikkontestah personalment fl-elezzjoni għall-Kap fl-2017.