Il-fornitur Amerikan tal-ajruplani, Boeing, qed jaffaċċja kritika qawwija wara li ajruplan tal-għamla tiegħu iġġarraf u qatel kull wieħed mill-157 passiġġier abbord.
It-traġedja tal-linja tal-ajru Etjopjana hija t-tieni waħda fi żmien ħames xhur li tinvolvi ajruplan tal-għamla Boeing 737. Dan filwaqt li esperti fil-qasam qed janalizzaw ukoll x’rabtiet jista’ jkun hemm bejn dawn il-każijiet u l-każ tal-linja tal-ajru Lion li ajruplan minn tagħha ġġarraf fl-Indoneżja f’Ottubru li għadda.
Ftit tal-ħin wara li wasslet l-aħbar tat-tiġrif ta’ dan l-ajruplan, il-linji tal-ajru taċ-Ċina u tal-Etjopja waqqfu l-operat ta’ ajruplani tal-istess għamla. Dan minkejja li l-esperti għadhom jisħqu li għadu kmieni wisq biex tkun magħrufa l-kawża ta’ din it-traġedja.