Ajruplan tal-merkanzija dalgħodu baqa’ dieħel ġo dar qrib il-belt kapitali tal-Litwanja fejn huwa rrappurtat li l-inċident ħalla mill-inqas persuna mejta.
Skont l-istazzjon tal-Litwanja LRT, żewġ persuni ittieħdu l-isptar wara li Boeing 737 operat mil-linja tal-ajru Swiftair baqa dieħel ġo dar ta’ żewġ sulari fejn l-ajruport internazzjonali ta’ Vilnius fejn ftit wara wieħed minnhom kien iddikkjarat mejjet.
L-awtorità tal-ajruport tal-Litwanja identifikat l-ajruplan bħala wieħed tal-merkanzija tad-DHL li kien qed jivjaġġa minn Leipzig il-Ġermanja. Fi stqarrija fuq il-pjattaforma X, huma qalu li ħaddiema tal-emerġenza, inkluż dawk tat-tifi tan-nar, marru mill-ewwel fuq il-post.
Il-FlightRadar 24 li jsegwi l-andament tat-titjiriet, wera li l-ajruplan dar lejn it-Tramuntana tal-Ajruport ta’ Vilnius bi preparament għall-inżul qabel ma kkraxxja madwar kilometru u nofs ’l bogħod mir-runway.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-5:30 ta’ filgħodu ħin lokali imma l-kawża għadha mhux magħrufa. Dak il-ħin il-kundizzjonijiet tat-temp kienu kważi ffriżati bi ftit sħab mas-sbiħ u riħ b’qawwa ta’ 30 km fis-siegħa.
Il-grupp DHL ibbażati f’Bonn il-Ġermanja ma kkummentawx. L-ajruplan għandu 31 sena fejn għalkemm minn esperti tal-avjazzjoni dan hu meqjus pjuttost qadim però huwa kkunsidrat normali f’ajruplani tal-merkanzija.