Kurt Gatt, li huwa team manager ta’ Pietà Hotspurs ġie sospiż sitt logħbiet u weħel multa wara li offenda u hedded referee waqt logħba futbol f’Għawdex.
Fuq il-bodyguard tal-Kap Bernard Grech, li kien miegħu sa mill-bidu tal-kampanja, tant li anki kien waqqafna nsaqsu lil Bernard Grech u spiċċa jimbuttana, ħareġ digriet mill-Maġistrat Joseph Mifsud fejn intqal li l-Qorti mhux se taċċetta li uffiċjal tal-logħba jiġi nsulentat jew mhedded.
F’affidavit li ħa r-referee intqal li Kurt Gatt beda jgħidlu li hu daqqiet ta’ ponn għandu bżonn u għandi bżonn min jaqlalu snienu.
Kurt Gatt saħansitra fakkar lir-referee f’każ ieħor ta’ vjolenza li kellu r-referee tmintax-il sena ilu u li dwaru r-referee qal li għadda minn trawma.
Saħansitra fuq il-midja soċjali, Kurt Gatt irrefera għar-referee bħala barri bi qrun ta’ ċerva.
Fid-deċizjoni tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud qal kif il-Qorti tistenna imġieba aktar korretta minn xi ħadd bħal Gatt, li huwa uffiċjal ta’ tim.
Ir-referee kien assistit mill-Avukat Charlon Gouder, filwaqt li għal Kurt Gatt deher Chris Said.
Kurt Gatt huwa persuna b’rekord kriminali.
Huwa tressaq il-Qorti diversi drabi, mixli b’akkużi fuq frodi.
Fl-2010 Kurt Gatt weħel sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstab ħati li uża cheque book misruq u xtara numru t’affarijiet fosthom għasafar eżotiċi, deheb, fwieħa u alkoħol.
Fl-2002 huwa kien ammetta wkoll li ffalsifika ċekkijiet tal-Bank of Valletta u kien ingħata l-libertà bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tmintax-il xahar.