Sta Venera huma ċ-Champions tal-Kampjonat tat-3 Diviżjoni hekk kif fil-finali tal-play off għar-rebħ tal-kampjonat il-Ħamis filgħaxija huma għelbu lil San Ġwann bl-iskor ta’ 21-14. Il-logħba intlagħbet fil-pitch tal-Qrendi, biż-żewġ timijiet diġa promossi għat-2 Diviżjoni, issieltu għal min minnhom se jagħmel dan bħala champion.
Wara li kienu San Ġwann li bdew tajjeb tant li fetħu vantaġġ ta’ 7-0, Sta Venera irreġixxew u dawru r-riżultat favur tagħhom għal 8-7.
San Ġwann reġgħu marru minn fuq 14-8, iżda minn hawn ‘il quddiem rajna lil Sta venera juru karattru u mhux biss irkupraw l-iżvantaġġ iżda saħansitra qalbu r-riżultat favur tagħhom sakemm għalqu l-logħba.
It-team ta’ Sta Venera kien kompost mill-plejers: Marlon Roberts, Ivan Cortis u Renato Abela.
Fi tmiem il-finali il-president tal-federazzjoni Boċċi Clinton Spiteri ippreżenta t-tazza lir-rebbieħa.