Il-klabb ta’ Msida wettaq double hekk kif rebaħ il-kompetizzjoni Knock Out Tlieta kontra Tlieta għat-Trofew tal-Anġlu. Dan hekk kif fil-finali li ntlagħbet il-Ġimgħa filgħaxija fil-pitch ta’ Birkirkara huma għelbu lil Għaxaq l-iskor ta’ 21-20.
Għall-klabb ta’ Msida din kienet l-ewwel darba li rebaħ dan it-trofew prestiġġjuż filwaqt li għamel dan ftit ġranet biss wara li kien għadu kif rebaħ il-Kampjonat tal-1 Diviżjoni. Ma’ dawn is-suċċessi jiżdied ukoll dak tal-plejer tal-istess klabb Joseph Tabone li nhar l-erbgħa rebaħ il-kompetizzjoni Knock Out Individwali għat-titlu ta’ Champion ta’ Malta. B’hekk dan l-istaġun kien wieħed memorabbli għall-klabb misidjan.
It-team ta’ Msida, bl-isem JS.DIMECH, kien kompost mill-plejers Joseph Tabone, Paul Vassallo, Christ Mallia u Adrian Caruana. Dak ta’ Għaxaq, bl-isem BENNY IL-BRONK, kien kompost minn Emmanuel Spiteri, Noel Axiaq, Mario Borg, Joseph Farrell, Michael Buhagiar u Joe Casha.
Kienet finali eċitanti li damet kważi ħames siegħat u li għaliha attenda pubbliku numeruż.
Fl-ewwel ġugata kienu it-tim ta’ Msida li bnew vantagg ta’ 6 punti. Immedjata kienet ir-reazzjoni min-naħa tat-team ta’ Għaxaq għax għamlu 2 punti.
Il-logħba kompliet u bdiet issir aktar interesanti fejn iż-żewġ timijiet bdew jitilgħu fil-punti ras imb’ras. Sa nofs il-loghba r-riżultat kien 11 ma’ 11.
Iż-żewġ timijiet komplew bil-logħob tagħhom fejn bil-ġugati tal-punti jitilgħu ma’ xulxin it-team ta’ Għaxaq kien viċin li jirbaħ din il-logħba bir-riżultat ikun 20 ma’ 18 favur tagħhom. Iżda Msida baqgħu attenti sal-aħħar ġugata sabiex rebħu din il-logħba b’riżultat finali ta’ 21 ma’ 20.
Ir-Referee tal-finali kien is-Sur Dillon Abela filwaqt li l-Assistent Referee kien is-Sur Dominic Gatt.
Wara l-Finali s-Sur Clinton John Saliba, President tal-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi, ippreżenta t-Trofew lit-tim rebbieħ fost il-ferħ tal-partitarji Msidjani.