Birkirkara huma ċ-champions tal-kampjonat tat-2 Diviżjoni hekk kif fil-finali għar-rebħ tal-kampjonat l-erbgħa filgħaxija huma għelbu lil Żabbar bl-iskor ta’ 21-12 . Il-logħba ntlagħbet fil-pitch ta’ Qormi San Bastjan quddiem pubbliku numeruż. Birkirkara fl-ewwel round kienu spiċċaw fl-ewwel post u bir-rebħa tal-bieraħ inkurunaw staġun pożittiv.
Żabbar fetħu tajjeb u marru 3-0 minn fuq. Biss Birkirkara rrispondew u fi tliet ġugati għamlu l-iskor 11-3.
Wara l-mistrieħ Żabbar għamlu l-punteġġ 11-8. Birkirkara reġgħu irrispondew għal skor ta’ 13-8.
Il-konfront baqa’ wieħed interessanti tant li l-iskor sar 13-12. Iżda hawnhekk rajna r-reazzjoni tal-karkariżi li minn hemm ‘il quddiem tellgħu il-punti li kien fadlilhom għal skor finali ta’ 21-12.
Il-finali kienet ikkontrollata mir-referee Mario Enriquez mgħejjun minn Harlod Galea.
Fi tmiem il-logħba saret il-preżentazzjoni mill-president tal-Federazzjoni Boċċi Clinton John Saliba.
Intant għada l-Ġimgħa ssir il-finali għar-rebħ tal-kampjonat tal-1 Diviżjoni bejn St Peter’s Żabbar u Żurrieq. Il-logħba se ssir fil-pitch taż-Żejtun u tibda fis-18.30.



