Birkirkara huma ċ-champions tal-Kampjonat tat-2 Diviżjoni tal-Boċċi meta fil-finali tal-play off, li ntlagħbet il-bieraħ fil-pitch ta’ Hal Tarxien, huma għelbu lil Birgu bl-iskor ta’ 21 għal 3.
Kienet finali bejn iż-żewġ timijiet li ddominaw il-kampjonat dan l-istaġun u li matul l-ewwel fażi baqgħu telgħin ras imbras.
Inċidentalment bir-rebħa tal-bieraħ, Birkirkara pattew għat-telfa li kienu sofrew kontra l-istess Birgu fl-aħħar logħba tal-ewwel fażi u li permezz tagħha Birgu kieneu temmew fl-ewwel post tal-klassifika.
Iżda fil-finali tal-bieraħ l-istorja kienet differenti, bil-karkariżi jiksbu rebħa tajba li tagħthom il-kampjonat.
Sabiex waslu għall-finali, fis-semifinali tal-play offs, Birkirkara għelbu lil Bormla filwaqt li Birgu rebħu lil Birżebbuġa.
It-team ta’ Birkirkara kien kompost mill-plejers Brian Bugeja, Mario Galea u Charles Galea. Il-plejers tat-team tal-Birgu kienu Dillon Abela, Brian Borg u Renald Borg. Il-finali kienet ikkontrollata minn Mario Enriquez u Harold Galea.
Birkirkara mill-ewwel ħarġu tajjeb meta fl-ewwel ġugata marru 7-0 minn fuq.
Fit-tieni ġugata Birkirkara għamluhom 8-0.
Birgu naqqsu d-distakk fit-tielet ġugata meta għamlu 2 punti.
Birkirkara irrispondew meta fir- 4 ġugata għamlu 4 punti oħra għal 11-2. Finali li rat lil Birkrikara jżommu r-ritmu sal-aħħar sakemm għalqu l-logħba bi skor ta’ 21 għal 3 fost il-ferħ tal-patrtitarji tagħhom.
Minn dan il-kampjonat ġew promossi għall-kampjonat tal-1 Diviżjoni it-timijiet ta’ Birkirkara, Birgu u Birzebbuġa.
Fi tmiem il-finali saret il-prezentazzjoni tat-tazza mill-President tal-federazzjoni Boċċi Clinton John Saliba.
Issa fadal li sir finali oħra tal-play offs, dik għar-rebħ tal-Kampjonat tal-1 Diviżjoni. Finali li se tlaqqa’ lil Żebbuġ u Msida u li se tintlagħab nhar it-Tnejn 14 ta’ Novembru fis-6.30pm fil-pitch ta’ Qormi San Bastjan.