Kmieni s-Sibt wara nofsinhar bdiet tiġri l-aħbar li Ġużi Grech, l-eks champion dinji tal-billiard, ħalla din id-dinja fl-għomor ta’ 66 sena. Huwa miet fl-istabbilment tal-isnooker 147 fil-Ħamrun, il-post li fih kien jipprattika l-logħba li tant kien iħobb u li hu kiseb tant suċċessi tul il-karriera tiegħu.
Grech kien Champion tad-Dinja tal-Billiard fl-1997 filwaqt li rebaħ il-kampjonat Malti tal-Isnooker iktar minn 20 darba.
Lil Ġużi wkoll ta’ spiss kont tinzertah fil-Każin ta’ San Gejtanu l-Ħamrun u mhux l-ewwel darba jew tnejn li kien jagħti daqqa bl-istikka fuq il-billiard u l-isnooker li hemm fis-sala tal-istess każin.
Fl-istess post li kien ikun Ġużi tkellimna ma bosta li b’dieqa fuq wiċċhom dwar l-aħbar ta’ niket, ftakru fil-memorji li għandhom ta’ dak li ddiskirvewh bħala bniedem ġentlom.
Ikellem lil kulħadd imma kien ta’ għalih waħdu, hekk iddiskrevih ħuh Johnny.
“Bniedem ta’ għalieh waħdu, maħbub ma’ Malta kollha, ma tantx hemm xi tgħid fuqu. Il-logħba kien iħobbha ħafna, kien champion tad-dinja tal-Ingliża, ġo Malta kien kemm-il darba champion tal-isnooker, il-bqija ma tantx nista’ ngħid, kulħadd kien iħobbu dak li nista’ ngħid fuq ħija, kellu jmut hekk.”
L-istess qalulna Ramon Cutajar u Ray Stivala, żewġt iħbieb ta’ Ġużi li kienu jiltaqgħu miegħu l-Każin ta’ San Gejtanu.
“Dejjem bilqiegħda hemm jieħu l-kafè għalih waħdu, min imur bilqiegħda ħdejh joqgħod ikellmu u lanqas kien ikun hawn ħoss tiegħu, lanqas kont tkun tinduna li qiegħed hawn Ġużi għax vera kien kwiet u vera kien tifel sewwa.”,“Kien ikellem lil kulħadd u ġieli nieħdu l-kafè miegħu, ngħidu erbgħa kelmiet, kien raġel all right ħafna Ġużi Grech u jiddispjaċini ħafna mal-aħbar li smajna fuq il-mewt tiegħu.”
L-uċuh ta’ niket ta’ dawk li kienu viċin Ġużi juru kemm kien maħbub, Ramon ftakar fl-aħħar memorja li għandu ma’ Ġużi.
“Ġiet ix-xnigħa li miet Gużi Grech u bqajt imbellah, għedtilhom li lbieraħ stess kont bilqiegħda ħdejh qed nieħu l-kafè.”
ONE news isellem il-memorja ta’ Ġużi Grech. Strieħ fis-sliem.