L-insistenza ta’ Simon Busuttil li Egrant hi tal-Prim Ministru Joseph Muscat hija dikjarazzjoni surreali li tixhed disprament politiku u ebda rispett lejn is-saltna tad-dritt. Qal dan fi stqarrija l-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista spjega kif Busuttil jgħid li l-poplu jaħsibha bħalu anke jekk il-poplu ma kienx emmnu sa minn qabel kienu ppubblikati l-konklużjonijiet tal-inkjesta. Tant li fl-2017 sfiduċjah fl-ikbar telfa elettorali għal mexxej politiku fl-istorja tal-politika Maltija.
Iżda, iktar serju minn hekk huwa l-fatt li qatt il-parlament Malti ma kellu rappreżentant fi ħdanu li njora daqshekk il-kunċett bażiku tar-rule of law.Qal li tajjeb wieħed jiftakar li Simon Busuttil innifsu mar jixhed quddiem inkjesta maġisterjali li ddikjara fiduċja fiha hu nnifsu.
L-istqarrija tgħid li iżda, ladarba l-konklużjoni ta’ din l-inkjesta m’għoġbitux qiegħed jipprova jimminaha b’aġir provokattiv li jpoġġih fl-iktar livelli baxxi tal-politika Maltija. Filwaqt li Simon Busuttil għad irid jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu għall-fatt li kien parti mill-ikbar gidba politika fl-istorja jeħtieġ li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia jiddikjara b’mod ċar hu x’jemmen. Jemmen bħal Simon Busuttil li Egrant hi tal-Prim Ministru?
Spjegat kif diġa’ kien hemm minn fil-grupp parlamentari nazzjonalista li pubblikament kellu l-kuraġġ jgħid li Simon Busuttil mhux jitkellem f’isimhom.
Il-Partit Laburista qal li iżda, issa jrid ikun Delia nnifsu li jgħid jekk jaqbilx ma’ Simon Busuttil wara li xhur ilu ried jissospendih mill-Partit Nazzjonalista. Temm billi qal li s-skiet tiegħu huwa sinjal ta’ dgħjufija u li tilef il-kontroll tal-partit li suppost imexxi.