Fi stqarrija l-Partit Laburista sellem il-memorja ta’ Joe Attard, is-Sindku taż-Żejtun, li ħalla din id-dinja iktar kmieni llum.
Joe Attard kien ilu iktar minn għoxrin sena Sindku taż-Żejtun fejn mexxa l-Kunsill Lokali b’ambizzjoni, tant li l-poplu baqa’ jeleġġih f’din il-kariga għal darba wara l-oħra.
Iżda ħidmietu fil-Partit Laburista kienet tmur lil hinn mill-Kunsill Lokali. Kien ukoll strumentali fil-bidu tal-istazzjonijiet ONE. Saħansitra kien l-ewwel ċermen tal-kumpanija.
Ta sehem ewlieni wkoll fil-qasam kulturali kemm fuq livell nazzjonali b’avvenimenti bħal l-Iljieli Mediterranji u anke fil-lokal tiegħu fejn kien President tal-Banda Żejtun.
B’hekk Attard kien eżempju mill-isbaħ ta’ persuna li ma tieqaf qatt taħdem favur il-komunità li tgħix fiha.