Għal għaxar snin konsekuttivi, BNF Bank ta l-appoġġ tiegħu lil avveniment li tant nies ikunu qed jistennew b’ħerqa – il-President’s Solidarity Fun Run. Għal darb’ oħra, l-avveniment ġibed eluf ta’ zgħar u kbar minn kull settur tal-ħajja, li ltaqgħu f’Santa Venera, ir-Rabat, ir-Raħal Ġdid u l-Università, minn fejn imxew 5 kilometri u ġrew 11-il kilometru sa’ Pjazza San Ġorġ, Valletta.
“Bla dubju, suċċess kbir ieħor!” qal Dr Michael Frendo, Chairman ta’ BNF Bank. “Flimkien erġajna mmobilizzajna n-nies biex niġbru l-fondi għall-Malta Community Chest Fund Foundation, li jitqassmu lil diversi organizzazzjonijiet fil-bżonn wara L-Istrina.”
“Aħna emminna fil-Fun Run mill-bidu nett. Flimkien mall-Uffiċċju tal-President u mal-ħafna gruppi nvoluti fl-organizzazzjoni, bnejna avveniment istituzzjonali li sar parti mill-kalendarju tal-pajjiż. Li tħares lura lejn għaxar snin ta’ kisbiet hu verament mument ta’ kburija. Jiena wkoll grat lill-impjegati ta’ BNF Bank li, sena wara sena, mingħajr ħafna daqq, jorganizzaw irwiehom għal dan l-avveniment, biex fl-aħħar mill-aħħar jgħatu servizz lil ħaddieħor.”
Il-kollaborazzjoni bejn BNF Bank u l-Uffiċċju tal-President, li tmur lura għas-sena 2008 b’ fun run innovattiva għal karità, daħħlet moda ta’ ġirjiet mhux kompetittivi, mtella’ minn assoċjazzjonijiet differenti għal diversi kawżi nobbli. L-ewwel fun run ġibdet ftit eluf ta’ parteċipanti. Minn hemm ‘l hawn, dawk li ħadu sehem żdiedu daqs erba’ darbiet aktar kif żdied ukoll l-interess, l-entużjażmu u l-idejn li jagħtu l-għajnuna volontarja. Meta għandek nies li jġemmgħu l-flokkijiet ta’ kull edizzjoni, wieħed jista’ jgħid li l-avveniment verament u ġenwinament miss in-nies.
Il-President’s Solidarity Fun Run hi l-akbar attività filantropika ta’ BNF Bank, fejn l-impenn tal-Bank ta’ responsabbiltà soċjali u korporattiva tilħaq quċċata. Madankollu, hu wieħed biss minn numru ta’ attivitajiet li jniedi l-Bank bħala parti minn politika usa’ ta’ għajnuna komunitarja. Xprunat minn impenn biex jagħti kontribut lil soċjetà verament inklussiva, il-Bank jalloka fondi li jmorru għal inizjattivi fis-setturi tal-edukazzjoni, is-saħħa, il-wirt, il-kultura u l-arti.