Mill-5 ta’ Lulju se jinfetħu b’mod ikkontrollat u kawt l-attivitajiet soċjali u kulturali f’Malta u f’Għawdex u li jistgħu jattendu għalihom biss dawk li għandhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet, fejn qal li dan seta’ jsir wara li kollox juri li s-sitwazzjoni tal-pandemija f’pajjiżna hija waħda tajba u taħt kontroll, anke fl-istess waqt li għandek programm b’saħħtu ta’ vaċċinazzjoni.
Qal, “Naqqasna l-miżuri b’mod gradwali, pass ma’ pass ta’ kif żidna l-ammont ta’ persuni li għandna mlaqqmin ġewwa l-pajjiż. Iżjed mhu nagħtu tilqim, allura iżjed nistgħu nirilaxxaw b’mod kawt u sigur mingħajr ma nagħmlu ħsara lill-poplu tagħna.”
Il-Ministru għas-Saħħa qal li l-attivitajiet jistgħu jsiru f’post li huwa magħluq u fuq barra u li d-daħla tiegħu hija waħda kkontrollata.
L-attivitajiet li jistgħu jsiru huma dawk li l-pubbliku fihom ikun bilqiegħda u b’distanza soċjali.
Għal kull attività, il-persuni li jattendu jridu jimlew formola bid-dettalji u n-numru ta’ nies permessibbli mill-ħamsa ta’ Lulju huwa ta’ mitt persuna.
Jekk ir-rata ta’ infezzjonijijiet tibqa’ baxxa, wara ħmistax-il jum in-numru jiżdied għal 150 persuna u ġimagħtejn wara għal 200 persuna.
Fl-istess konferenza intqal li 76% tal-adulti f’pajjiżna ħadu l-ewwel doża u 57% tal-Maltin u Għawdxin huma kompletament imlaqqma.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Kultura José Herrera qal kif f’dan kollu, saħħet il-poplu Malti u Għawdxi se tibqa’ tingħata prijorità.
Hawnhekk huwa qal li l-ammont permessibbli ta’ nies f’dawn l-attivitajiet ma jinkludux l-artisti u lanqas il-ħaddiema.
Saħaq li issa dħalna fit-tieni fażi tal-ftuħ tal-attivitajiet kulturali u li l-Gvern fil-jiem li ġejjin se jħabbar aktar għajnuna lil dan is-settur.
Spjega, “Fil-ġranet li ġejjin se nħabbru skemi li bħalissa qed naħdmu internament fuqhom biex nagħtu l-palata neċessarja lil dawn l-organizzaturi li bdew jieħdu l-inizjattiva għall-attivitajiet ekonomiċi tagħhom.”
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci qalet li dan kollu qed isir abbażi ta’ xjenza.
Hawnhekk hija spjegat x’jistgħu jagħmlu dawk it-tfal li ma ħadux it-tilqima.
Qal, “Għal dawk it-tfal li l-etajiet bejn 5 snin u 11-il sena jekk il-ġenituri tagħhom jixtiequ li jeħduhom dawn l-attivitajiet li jippermettu t-tfal jekk huma qegħdin magħhom dawn it-tfal iridu jippreżentaw test. Jew rapid jew PCR test. ”
It-tfal minn ħames snin ’l isfel jistgħu jidħlu mingħajr test.
Fejn jidħlu n-nisa tqal, l-Awtoritajiet tas-Saħħa rrakomondaw li dawn ma jmorrux l-attivitajiet.
Jekk jiddeċiedu li jattendu dawn iridu jippreżentaw test negattiv għall-Covid-19.
Intqal li dawk li se jattendu jridu jirriservaw post minn qabel u mhux jaqbdu u jmorru fl-attività.
Intant, Il-Professur Gauci ħabbret li mhux se tkun qed tagħmel aktar il-bullettin mediku ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa.