B’mod ċar Simon Busuttil għandu jwieġeb min hemm wara l-invoices foloz.
Dan kien il-punt ewlieni li saħqu dwaru l-Ministru Owen Bonnici u d-deputat Laburista Charles Mangion waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Charles Mangion spjega li issa l-Partit Laburista ilu erba’ ġimgħat jistaqsi fuq skandlu li jibda u jispiċċa ma’ Simon Busuttil. Qal li dan hu kap tal-Oppożizzjoni li filwaqt li jitkellem fuq il-governanza tajba, trasparenza u onestà, imur jitlob lill-imprendituri jħallsulu l-pagi. Jitlob hu stess, ma jinqeda b’ħadd u dan għamlu b’omertà kbira anke minn uħud minn sħabu stess.
Mangion qal li biex jgħatti l-fatt li l-imprendidturi qed iħallsulu l-pagi, biex jgħatti l-fatt li qed jitlob u jilqa’ f’idejh id-donazzjonijiet, Simon Busuttil ħoloq sistema ta’ invoices foloz biex dawn id-donations jidhru daqs li kieku huma sempliċi transazzjoni kummerċjali.
Simon Busuttil, li Mangion iddeskrivih bħala falz, spiċċa bil-kelma tiegħu kontra kulħadd. Il-Grupp DB qalu li m’għandhomx relazzjonijet kummerċjali mal-PN u sfidawh jiċċara dwar ir-riklami li qed jgħid kellhom. It-teżorier tal-PN, Alex Perici Calascione, qal li ma kien jaf b’xejn. Il-Viċi Kap u l-id il-leminija ta’ Simon Busuttil, Mario DeMarco, qal li kienu donazzjonijiet. Dan barra l-fatt li skont il-MaltaToday, l-invoices ħarġu fuq il-kumpanija Sky Gourmet, li ma tirriklamax.
Mangion qal dan kollu jqajjem mistoqsijiet kbar fuq Simon Busuttil, minbarra li jagħtih it-tikketta ta’ falz. Madanakollu, kompla josserva Mangion, Busuttil ma jistax iwieġeb, għax l-iskandlu jibda u jispiċċa miegħu. “Ħolqu hu u ħadd aktar” temm jgħid Mangion.
Dwar il-fatt li Busuttil mhux iwieġeb, il-Ministru Owen Bonnici qal li hija konferma li qed jiddomina taħwid bla qies fil-PN. Fi kliem Bonnici; “Simon Busuttil jgħid mod, u kulħadd igiddbu”.
Waqt il-konferenza ntwera dan il-filmat.
Il-Ministru Bonnici qal li minnu joħorġu ħames osservazzjonijiet.
- Simon Busuttil ma jikkonfermax jew jiċħad dak li deher fuq il-Maltatoday, li l-kumpanija invoiced kienet propju Sky Gourmet.
- Ma weġibx jekk hemmx oħrajn li qed iħallsulu aktar pagi.
- Simon Busuttil jikkonferma li nkissret il-liġi meta jgħid li hemm invoices b’ammonti li jaqbżu l-massimu permessibli bil-liġi, meta kulħadd ħlief hu qed jgħidu li kienu donazzjonijiet.
- L-istess Busuttil qed jgħid li d-donazzjonijiet kienu ppubblikati. Imkien f’dak ippubblikat m’hemm imnizzel donazzjonijiet ta’ aktar minn €70,000 (li kien ilu jieħu mill-2013).
- Ma jgħidx fejn dehru r-reklami tal-bezzun tal-Air Malta li hu biss qed jibqa’ jinsisti li jeżistu.
“Wara dawn it-tweġibiet li ta, li flok iwieġeb il-mistoqsijiet li jeżistu jqajjem aktar” ikkonkluda l-Ministru Bonnici.
Fakkar li Kap tal-Oppożizzjoni li qed jikser b’mod sfaċċat il-liġi tal-finanzjament tal-Partiti u għax għandu dahru mal-ħajt, qed jigdeb fuq il-Partit Laburista.
Il-Ministru temm billi staqsa min hemm fuq l-invoices li vvinta Simon Busuttil.