Il-kumpanija BMIT li topera l-akbar ċentru tal-informazzjoni u s-servizzi tal-internet f’Malta, se tkabbar l-operat tiegħu permezz ta’ data centre ġdid b’investiment ta’ €10 miljun.
Din il-binja mistennija tibda topera s-sena d-dieħla u fiha se tkun qed tinkorpora diversi timijiet fosthom tim tekniku, kummerċjali, amministrattiv u maniġerjali.
Il-Kap Eżekuttiv, Christian Sammut spjega kif dan hu data centre li permezz tiegħu se jkunu qed joffru aktar servizzi.
Christian Sammut il-Kap Eżekuttiv tal-BMIT qal: “Dan hu t-tielet data centre tagħna u bih se nkunu nistgħu noffru servizzi iktar ta’ dan it-tip kif ukoll servizzi oħrajn li nistgħu noffru bil-ħila tan-nies tagħna.”
Dan l-investiment se jkabbar l-operat tal-BMIT li bih se tiżdied ukoll il-kapaċità tad-data centres, bit-tkabbir fl-operat ifisser żieda fl-impjiegi.
Huwa kompla billi qal: “Ovvjament se jirriżulta li se jkollna nkabbru wkoll in-numru ta’ nies li jaħdmu magħna u nibdew noffru servizzi ġodda speċjalizzati f’dan is-settur.”
Inizjalment il-BMIT bdiet bħala data centre provider li toffri servizzi lill-kumpaniji tal-gaming iżda matul is-snin il-kumpanija kompliet timraħ f’oqsma ġodda u issa toffri l-istess servizzi lil kull xorta ta’ kumpanija fil-gżejjer Maltin.
Huwa kompla jirrimarka li: “Is-servizzi tagħna issa żidnihom billi qed noffru servizzi ta’ cloud, noffru servizzi ta’ managed servers fejn għandna tim speċjalizzati bħala enġiniera li jaħdmu mal-klijenti tagħna biex jgħinuhom jisfruttaw l-investiment li jkunu għamlu fl-informatika.”
Il-kumpanija BMIT ħabbret ukoll li bdiet tinnegozja fuq il-Borża ta’ Malta biċ-Ċermen tal-kumpanija Nikhil Patil jistqarr li dan kien il-quċċata ta’ vjaġġ ta’ bosta snin li ra lill-kumpanija tittrasforma lillha nnifsha f’organizzazzjoni li toffri bosta servizzi fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika.