Kumpanija Amerikana niżżlet b’suċċess il-vettura spazjali tagħha fuq il-Qamar. Din hi t-tieni darba li missjoni privata irnexxielha tikseb dan it-tragward iżda l-ewwel waħda li rnexxielha tagħmel dan wieqfa.
Blue Ghost Mission 1 tal-kumpanija Firefly Aerospace niżlet qrib Mons Latreille, formazzjoni vulkanika f’Mare Crisium fil-Grigal tal-Qamar nhar il-Ħadd filgħodu.
It-tim li kien qed jikkontrolla din il-missjoni minn Austin f’Texas esprima s-sodisfazzjon tiegħu hekk kif il-Kap Eżekuttiv Jason Kim ikkonferma li l-vettura spazjali kienet stabbli u wieqfa.
Din kienet differenza kbira mill-ewwel inżul privat fuq il-qamar fi Frar tas-sena l-oħra mill-kumpanija Intuitive Machines, fejn il-vettura spazjali kienet inqalbet hi u tillandja u għalhekk kien mument diżappuntanti meta wieħed iqis li kien l-ewwel inżul fuq il-Qamar minn mindu Apollo 17 flimkien mal-ekwipaġġ għamel dan fl-1972.
Kelliemi għal Blue Ghost elenka l-preċiżjoni ta’ dan l-inżul li seħħ mitt metru minn dak previst.
Din il-missjoni hija parti minn sħubija ta’ $2.6 biljun man-NASA li qed tipproġetta li tnaqqas l-infieq u tappoġġja l-programm Artemis destinat li jerġa jtella’ astronawti fuq il-Qamar.
Inżul fuq il-Qamar huwa partikolarment diffiċli minħabba n-nuqqas ta’ atmosfera.