Blue Flag Malta esprimiet sodisfazzjoni għall-azzjonijiet li ħadet l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu meta neħħiet mijiet ta’ umbrelel u deck chairs minn fuq bajjiet pubbliċi, li kienu ta’ detriment għall-Maltin u t-turisti li jagħmlu użu mill-bajjiet Maltin.
Blue Flag Malta ddeskriviet lil dawn l-operaturi bħala irresponsabbli u qalet li qed ipoġġu f’riskju l-industrija turistika. Hija qalet ukoll li l-fatt li dawn id-deck chars u umbrelel kienu qed jokkupaw għadd ta’ bajjiet pubbliċi qed toħloq inġustizzja soċjali għall-għawwiema b’mod partikolari għal dawn li ma jistgħux iħallsu biex jikru umbrella u deck chair meta jmorru jgħumu f’bajja pubblika.
Intqal ukoll kif dawn l-operaturi qed ipoġġu f’riskju bajjiet bħal dik tal-Qawra li jitilfu l-Blue Flag.
Blue Flag Malta qalet ukoll li dawn l-operaturi llegali qed jagħmlu ħsara lill-istess industrija li qed jaħdmu fiha filwaqt li qed jipperikolaw ix-xogħol ta’ ħaddiema oħra fis-settur.