Artiklu fuq is-sit finanzjarju awtorevoli, Bloomberg, ikkonferma li, bħala medja, il-familji Maltin u Għawdxin huma t-tieni l-aktar għonja fl-Ewropa meta jitqies l-assi finanzjarji għad-dispożizzjoni tagħhom u l-proprjetà privata u l-valur tagħha.
Irrapportat dwar dan il-gazzetta KullĦadd, li tenniet li, mill-ammont ta’ assi jitnaqqas ukoll l-ammont ta’ djun u obbligi finanzjarji oħrajn, li għandhom l-istess familji, biex tkun tista’ tittieħed stampa aktar reali tal-qagħda tagħhom.
Is-sors ta’ din l-informazzjoni huma d-Distributional Wealth Accounts tal-Bank Ċentrali Ewropew. Dawn huma bbażati fuq stħarriġ tal-assi u obbligi finanzjarji tal-familji madwar iż-Żona Ewro magħmul mill-Bank Ċentrali Ewropew, f’kollaborazzjoni ma’ banek ċentrali tal-pajjiżi individwali. L-informazzjoni ta’ dan l-istħarriġ jiġi aġġornat permezz ta’ informazzjoni mill-Eurostat.
Jirriżulta li l-familji Maltin u Għawdxin huma fost dawk li l-aktar huma sidien ta’ djarhom fl-Ewropa. Minbarra hekk il-valur tal-proprjetà hu ogħla minn dak ta’ diversi pajjiżi oħrajn, filwaqt li l-maġġoranza ta’ dawk li huma sidien ta’ djarhom m’għandhomx self sostanzjali fuqu.
Ma’ dan jingħad ukoll li l-familji lokali għandhom ammont medju ta’ depożiti fil-banek li hu wkoll ferm ogħla mill-medja Ewropea.
L-artiklu ta’ Bloomberg jiżvela kif, filwaqt li l-ekonomija Ġermaniża hi fost l-aktar żviluppati fid-dinja, il-familji f’dan il-pajjiż ma tantx huma sinjuri f’termini ta’ assi. Dan l-aktar għax ftit li xejn huma sidien ta’ djarhom.
Skont is-sit finanzjarju, dan qed iwassal għal rabja u diviżjoni soċjali fil-pajjiż, anke għax familja medja Ġermaniża għandha assi daqs familja medja Griega, minkejja li l-Ġermanja hi ferm aktar avvanzata ekonomikament.
L-istatistika tal-Bank Ċentrali Ewropew tindika li l-familji f’Malta għandhom assi netti li huma d-doppju ta’ dawk tal-familja medja Ġermaniża. L-akbar ammont ta’ assi hu tal-familji fil-Lussemburgu, waqt li l-inqas ammont jinsab fost il-familji fil-Latvja. Dawn tal-aħħar għandhom assi għaxar darbiet inqas mill-familja medja Maltija u Għawdxija.
Din l-istatistika tal-Bank Ċentrali Ewropew hi konferma oħra ta’ kemm il-familji f’pajjiżna gawdew mill-ekonomija b’saħħitha ta’ pajjiżna fl-aħħar snin.