L-ewwel ta’ Frar jimmarka l-bidu tal-konsultazzjonijiet dwar jekk it-tfal fl-iskejjel tal-istat għandhomx ikollhom uniformi formali, jew tracksuit tal-iskola komda u sportiva.
Bejn l-ewwel u t-tmienja ta’ Frar din il-konsultazzjoni se tiffoka fuq l-istudenti tal-iskejjel medji u sekondarji, li se jkunu jistgħu jivvutaw onlajn għall-preferenza tagħhom.
Wara dan, il-konsultazzjoni tal-Ministeru tal-Edukazzjoni se tissokta fost il-ġenituri u l-edukaturi fl-istess skejjel, biex titfassal it-triq ’il quddiem dwar l-ilbies tat-tfal fl-iskejjel.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo spjega li jekk tintgħażel it-triq ta’ tracksuit komda u sportiva, din tiddaħħal b’mod gradwali fl-aqwa interess tal-istudenti u l-ġenituri.
Il-Ministru Evarist Bartolo spjega li tul is-snin irċieva ħafna kummenti, inkluż mit-tfal, għal uniformi iżjed komda u prattika. Għaldaqstant spjega li l-konsultazzjoni twieldet bil-ħsieb li t-tfal iħossuhom iktar komdi, u tenna li l-ilbies m’għandux impatt fuq il-kwalità tal-edukazzjoni.