L-ewwel t’April ta’ din is-sena, immarka jum l-Għid iżda mhux biss.
Bħal l-ewwel jum tar-raba’ xahar ta’ kull sena, dan il-jum huwa assoċjat ukoll ma’ xi ċajta, li anke jippruvaw jgħaddu bosta kmamar tal-aħbarijiet.
Metjoriti neżlin, l-aħħar tad-dinja, burgers magħmulin miċ-ċikkulata u t-tazza tad-dinja mhux se ssir.
Dawn huma ftit miċ-ċajt tal-ewwel ta’ April li matul din il-ġurnata forsi kien hemm ċans li wieħed jisma’.
Ta’ kull sena fl-ewwel ta’ April, min ibella’ ċ-ċajt u min jispiċċa vittma tagħhom.
Din is-sena xejn inqas hekk kif miċ-ċajt kollu li ntqal partikolarment fuq il-midja soċjali, jidher li ddominaw fuq kollox dawk fuq it-Tazza tad-dinja li se tintlagħab f’Ġunju li ġej.
Min jgħid li t-Taljani minkejja li ma kwalifikawx, xorta ser ikunu qed jieħdu sehem u min saħansittra jxerred il-kelma li tħassret it-Tazza tad-Dinja speċjalment wara l-qtil tal-ispija Russu fl-Ingilterra.
Kumpanija rinomatika tal-‘fast food’ saħansittra għamlet reklam ta’ waħda mill-iktar burgers għal qalb in-nies, b’messaġġ li mil-llum il-quddiem din ser tkun magħmula kollha miċ-ċikkulata.
Għalkemm din saret tradizzjoni annwali f’kalendarji madwar id-dinja partikolarment Ewropej u tal-Amerika ta’ fuq, forsi ftit huma li jafu l-oriġini ta’ din l-ġurnata.
Dan ukoll minħabba l-fatt li l-oriġini ta’ din ċ-ċelebrazzjoni hija kemm xejn xettika.
Min jgħid li beda kollox mill-ktieb ta’ stejjer ta’ Geoffrey Chaucer bl-isem “The Canterbury Tales” fejn l-awtur jirreferi b’ċajta għal-ewwel ta’ April billi jgħid li hija t-tnejn u tletin ta’ Marzu.
Minn naħa l-oħra, hemm min jgħid li din iċ-ċelebrazzjoni bdiet minn festival Grieg-Ruman bl-isem Hilaria. Dan kien jum mimli parati, ċajt u maskarati.
Lill hinn min dan kollu, għalkemm issa l-ġurnata waslet fl-aħħar ftit siegħat tagħha, nissuġġerixxu biex filwaqt li wieħed għandu joqgħod attent biex jevita qtajja jew aħbarijiet foloz bla bżonn, ma jagħmilx ħażin li kultant nidħku xi ftit.