It-timijiet nazzjonali Maltin li qed jieħdu sehem fit-tazza tan-nazzjonijiet 2025 li qed issir fi Bridlington sfaw eliminati fl-aħħar ġurnata ta’ logħob riservata għall-kbar.
Filgħodu kien għad fadal l-aħħar logħob tal-gruppi fejn it-tim B tal-irġiel ġew megħluba mill-Ingilterra B 13-7 filwaqt li s-Seniors sofrew telfa ta’ 13-9 kontra Wales A sabiex temmew kmieni l-avventura tagħhom f’din il-kompetizzjoni. Mill-banda l-oħra, il-Masters A rebħu 13-4 kontra l-Irlanda ta’ Fuq.
Fil-fażi eliminatorja, it-tim A tal-irġiel wasal sas-semifinali fejn ġie megħlub mill-Ingilterra A 13-10. Min-naħa l-oħra, is-Seniors B kienu qed jitilfu 10-2 kontra l-Ingilterra B iżda rnexxielhom jagħmlu rimonta kbira fejn f’ħin minnhom għamlu l-iskor 12-12. Sfortunatament l-aħħar boċċa kienet detrimentali għall-Maltin fejn b’mod fortunat kienu l-Ingliżi li rebħu l-logħba.
Finalment, it-tim A tal-Masters ġew iddominati mill-Ingilterra A 13-1 fis-semifinali l-oħra.
Illum mhux se jkollna logħob sabiex minn għada jidħlu fl-azzjoni t-timijiet taż-żgħażagħ fejn ikollhom il-logħob tal-gruppi, bit-tama li javvanzaw għall-fażijiet l-aktar importanti tal-kompetizzjoni.
It-tim ta’ taħt il-15-il sena se jkollu lil Nick Muscat, Jake Castaldi, Denzel Falzon u Dielyn Edwards b’Robert Attard li se jkun qed imexxihom.
Nordai Desira, Casdy Vella, Chaylon Castaldi, Steven Muscat, Matthias Debono u Neil Caruana se j iffurmaw it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt it-23 sena bil-kowċ li se jkun Kyle Zammit.