Ħamrun 147 huma ċ-champions taċ-Cisk Premier League meta f’logħba ferm emozzjonanti għelbu lir-rivali Cospicua Rangers 13-12. B’dan is-suċċess, il-Ħamruniżi rebħu l-ogħla kampjonat tal-Blackball għas-seba’ darba fl-istorja tagħhom fi staġun li fih kienu protagonisti flimkien mal-istess Bormliżi.
F’mument minnhom, Ħamrun kienu qed igawdu vantaġġ ta’ 9-5 iżda Cospicua Rangers saħansitra rebħu ħames frames konsekuttivi sabiex marru 10-9 minn fuq. Fl-aħħar frame, Ħamrun 147 irnexxielhom iġibu d-draw bil-logħba li kellha tmur għas-sessjonijiet żejda.
F’dan il-mument Cospicua Rangers kienu qed jirbħu 12-10 fejn kienu biss frame ‘il bogħod milli jgħollu t-tazza iżda Ħamrun 147 wettqu reazzjoni furjuża u rebħu t-tliet frames ta’ wara u eventwalment il-logħba għal skor finali ta’ 12-11. Kien Leon Azzopardi li daħħal il-boċċa rebbieħa fost il-ferħ tal-plejers u diriġenti Ħamruniżi.
Fi tmiem il-konfront, il-president tal-Malta Blackball Federation Philip Gatt ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Ħamrun 147 Clayton Castaldi.