Cospicua Rangers għaddew għall-finali tal-kompetizzjoni knock-out tal-kampjonat nazzjonali meta għelbu lil Ħamrun 147 B 21-14. Kienet semifinali fuq żewġ legs li f’ħafna mumenti kienet iddominata mill-Bormliżi minkejja l-isforzi qalbiena tal-Ħamruniżi.
Issa Cospicua Rangers jiltaqgħu fil-finali kontra Ħamrun 147 A li hi skedata għal nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Lulju.
Miċ-Challenge League KO, San Ġwann Nick’s A wettqu rimonta sabiex għelbu lil Jojo’s Birżebbuġa 21-16. Wara li kienu 12-8 minn taħt, it-tim minn San Ġwann irreaġixxa sew fit-tieni leg sabiex kisbu r-riżultat li xtaqu u se jilagħbu fil-finali tal-4 ta’ Lulju li se ġej kontra Qormi Anici A.
Fir-Regional League, kienu Ħamrun 147 D li kisbu post fil-finali u se jilagħbu kontra t-tim Ċ tagħhom wara li għelbu lil Selmun Bar A 21-16 fuq żewġ legs.
Fil-Community League, il-finalisti se jkunu Qormi Anici D u San Ġwann Tiki Taka B wara li ssuperaw lill-avversarji rispettivi tagħhom.
Il-Qriema rebħu 21-16 lil Juve Birkirkara A filwaqt li d-derby ta’ San Ġwann Tiki Taka mar għand it-tim B li għelbu lit-tim A 21-17.
Finalment il-finalissima tal-Amateur Cup se tiġi kkontestata minn Birkirkara Boċċi u Qormi Anici E. Dawn tal-aħħar għelbu lil Juve Birkirkara B u lil Valletta Fossa Boys bl-istess skor ta’ 11-8. Min-naħa ta’ Birkirkara Boċċi, dawn eliminaw lil Taċ-Ċaċċu Qormi 11-1.