Suċċess kbir malti fil-kampjonat tad-Dinja tal-Blackball li kien qed isir f’pajjiżna hekk kif tard il-Ġimgħa filgħaxija l-koppja Christ Mills u Jesmond Schembri rebħu l-midalja tad-deheb tal-World Masters Doubles.
Fil-finali, Mills u Schembri għelbu lill-ingliżi Martin Hazell u Graeme Witton bl-iskor ta’ 6-5.
Mills u Schembri għamlu xi ħin minn taħt iżda ż-żewġ plejers, xprunati mis-sapport tal-folla Maltija rnexxielhom idawru l-iskor favurihom u eventwalment jieħdu l-logħba.
Din kienet it-tieni midalja tad-deheb għal Malta hekk kif ftit qabel intrebħet midalja oħra tad-deheb fid-Doubles U15.
Fil-kategorija individwali, Lydan Debono wasal sal-finali wara li għeleb lil Shaun Sharky 8-6 u lil Dan Harris 9-5.
Jake Castaldi kellu ġurnata pożittiva meta wasal ukoll fil-finali tas-singles ta’ taħt il-15-il sena wara rebħa kbira ta’ 6-1 kontra Jack Hull mill-Irlanda ta’ Fuq.
Il-ġurnata perfetta Maltija spiċċawha t-tim tal-irġiel li f’logħba emozzjonanti għelbu lill-Ingliżi 13-12 sabiex baqgħu jżommu l-ogħla pożizzjonijiet fil-klassifika tal-grupp tagħhom.