Birkirkara Boċċi ħasdu lil-leaders Birkirkara Youngsters u rebħulhom fid-derby 11-6 fl-akbar sorpriża tat-13-il ġurnata tal-kampjonat reġjonali tal-blackball.
Birkirkara Boċċi kienu ffukati u kellhom ħafna mumenti pożittivi li ħadu vantaġġ minnhom sabiex rebħu din il-logħba. Għal Youngsters din kienet it-tieni telfa tal-istaġun.
It-tieni tim fil-klassifika Mosta St Mary’s A ma ħax vantaġġ mit-telfa tal-leaders hekk kif seta’ jiġi biss fi draw ta’ 10-10 kontra San Ġwann Nick’s A.
Mill-banda l-oħra, Każin Pinto Qormi B għelbu 11-8 lil San Ġwann White Hart filwaqt li Ħamrun 147 C iddominaw il-konfront kontra Juve Birkirkara A tant li rebħu 11-0.
F’sezzjoni A tal-Community League, kellna rebħiet identiċi ta’ Valletta Fossa Boys u Domus Kids Żejtun li rebħu 11-3 kontra Mosta St Mary’s B u Birkirkara Duke’s B.
Jojo’s Birżebbuġa u Selmun Bar C ħarġu rebbieħa fuq Juve Birkirkara B (11-4) u PL Balzan (11-9) rispettivament.
F’sezzjoni B, il-leaders PL Balzan B ġew megħluba minn Selmun Bar B 11-5. Ħamrun 147 D saħħew it-tieni post wara rebħa ta’ 11-7 kontra Taċ-Ċaċċu Qormi filwaqt li Mosta St Mary’s C għelbu lil PN Mġarr 11-6.
San Ġwann Nick’s B għelbu lil Di Santos Qormi bl-iskor kbir ta’ 11-0.