Nisimgħu ħafna paroli fuq data protection! Li ma tkun data protection xejn, imbagħad sigrieti, fis-sens ta’ dover li wieħed iżomm il-kundfidenzjalità, dak tar mar-riħ. Mhux hekk biss imma ċerti ġurnali jippretendu li dak hu dritt għall-informazzjoni, u jistgħu jiddubbaw jew jisirqu informazzjoni u jġibuha. U anzi jiftaħru li hija “esklussiva”.
Niskanta kif informazzjoni delikata (anzi delikatissima) tixxandar, u min ixandarha qisu ma għamel xejn ħażin, anzi prosit u ċapċipa. L-akbar waħda kienet ta’ Melvin Theuma li, tħobbu jew ma tħobbux, ġabuh f’riskju ta’ ħajtu meta xandru li kien qed jagħti informazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Din bil-fors li ħarġet mingħand il-Pulizija.
Imbagħad kien hemm aħbarijiet kif se jsir il-Kabinett qabel il-Kabinett kien sar. Minn fejn ħarġet din l-informazzjoni?
U l-Ħadd filgħaxija kien hemm diġà aħbar fil-ġurnali online, li Justyne Caruana mistennija tirriżenja u l-għada hekk kien.
Fl-1994 meta kien hemm Gvern demokratiku u warrablu għar-Rule of Law, jiġifieri Dr Eddie Fenech Adami u sħabu għamlu liġi u bidlu liġi fuq is-sigriet professjonali.
Missew l-artiklu 257 tal-Kodiċi Kriminali li jgħid hekk:
“257. Kull min, minħabba l-istat, professjoni jew kariga tiegħu, ikun sar id-depożitarju ta’ sigriet li jkun ġie fdat lilu, jikxef dan is-sigriet, ħlief fil-każijiet li fihom il-liġi tobbligah jgħarrafhom lill-awtorità pubblika, jeħel, meta jinsab ħati, il-piena ta’ multa ta’ mhux iżjed minn €46,587.47 jew ta’ priġunerija għal żmien mhux iżjed minn sentejn jew għal dik il-multa u priġunerija flimkien.”
Imbagħad għamlu liġi sħiħa ħalli jfissru dan l-artiklu.
Ċuċ kemm jien ċuċ, naf li min ikun kompliċi jeħel l-istess piena bħal min jagħmel il-fatt. Jekk wieħed jgħaddi l-informazzjoni (sigrieta) u l-ieħor jgħinu jxandarha, it-tnejn huma kompliċi.
L-iskop ikun wieħed. Li xi ħadd jintlaqat bl-aħbar moħbija. Imma ħaġa tal-għaġeb kif dan jiġi aċċettat qisu ma ġara xejn.
Ir-Rule of Law titlob li l-liġijiet kollha jiġu osservati. U nitħajjar nagħmel challenge jekk ma jittieħdux passi.