“Bla impjieg u mingħajr flus.” Dan kien il-kumment ta’ raġel ta’ tmienja u erbgħin sena li sammar lil kull min kien qed jisma’ x-xhieda tiegħu f’awla tal-Qorti.
Ir-raġel inkwistjoni, Emanuel Ronayne, tkellem dwar ir-riperkussjonijiet koroh li qed isofri wara l-inċident li kellu fl-MFCC f’Ta’ Qali, f’Marzu ta’ sentejn ilu.
Ir-raġel kien spiċċa jissielet għal ħajtu wara li waqgħet struttura li kienet qed tintrama qabel itellgħet ir-rock opera Ġensna.
Huwa kien qed jagħmel xi xogħol għal kumpanija RVC Limitted u stqarr li meta l-istruttura waqgħet fuqu ħass daqqa iebsa f’dahru u spiċċa bejn l-istruttura u kaxxa fuq il-palk.
Huwa kien sofra ksur fil-kustilji u ġrieħi fix-xewka ta’ dahru u li konsegwenza t’hekk ma setax jibqa’ jaħdem mal-RVC.
B’rabta ma’ dan il-każ hemm ħames diretturi li jinsabu mixlija li kkaġunaw ġrieħi gravi fuq Ronayne u kisru r-regoli tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
L-akkużati huma Winston Zahra, Gerald Borg, Joseph Fenech, Anita Mifsud u Mark Anthony Farrugia.