Il-Ħelsien jibqa’ relevanti għal pajjiżna. Qal dan l-opinjonista Dominic Grech hekk kif il-programm ‘Bla Fruntieri’, li jixxandar kull nhar ta’ Ħadd fuq ONE fl-10:00 a.m., se jagħti sfond dwar l-istorja ta’ din il-ġrajja storika għal pajjiżna fl-1979.
Irridu nfakkru l-Ħelsien mhux biss b’nostalġija, iżda wkoll permezz ta’ programmi rikki bħal dak li qed jorganizza l-Partit Laburista għall-ġranet li ġejjin.
F’dan il-kuntest, Grech fakkar kif pajjiżna dejjem kien xprun u ta l-ħajja lil bosta inizjattiva u preparamenti, fosthom bħal-Laqgħa ta’ Yalta lura fl-1945 fejn kienu ltaqgħu Franklin Delano Roosevelt, Josip Stalin u Winston Churchill, waqt li kienet għadha għaddejja t-Tieni Gwerra Dinjija u ssir l-pjanifikazzjoni tal-ordni politika internazzjonali kif tintemm l-gwerra.
Dan hu xhieda ta’ kemm Malta dejjem serviet ta’ pont b’saħħtu għal rikonċiljazzjoni f’konflitti kbar internazzjonali li rajna fl-istorja tal-politika internazzjonali.
Tul il-programm, ippreżentat minn Claudette Abela Baldacchino, tieħu sehem ukoll is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg dwar id-69 sessjoni tal-Kumitat Dwar l-Istatus tan-Nisa li ltaqa’ fi New York u anke dwar Jum tal-Commonwealth, il-Kumitat t’Azzjoni li kien fdat f’idejn id-Deputat Prim Ministru Ian Borg. ‘Bla Fruntieri’ jitkellem ukoll mal-poetessa Leanne Ellul dwar is-sehem attiv tagħha fiċ-ċerimonja riċenti f’Westminster Abbey.