Il-Qrati Ċivili rreġistraw l-inqas rata tal-inqas każijiet pendenti fl-aħħar 16-il sena.
9,560 każ pendenti meta pparagunat mal-11,208 fl-ewwel sitt xhur tal- 2012 u 18,000 każ pendenti fl-ewwel sitt xhur tal-2000
Jinqatgħu aktar każijiet milli qed jidħlu
Tiżdied ir-rata ta’ ħeffa tal-kawżi f’dawn l-aħħar tlett snin
Il-Ministru Owen Bonnici qal li qed issir ħidma bla preċedent biex jonqsu l-kawżi pendenti u tiżdied l-effiċjenza. Huwa sostna li qed jinkisbu riżultati ċari u qal li dawn ir-riżultati ma jfissrux li r-riforma waslet fi tmiemha imma jfisser li se tkompli tiżdied l-enerġija biex jinkisbu dejjem iktar tragwardji għal servizz aħjar.
Minn Jannar sa Ġunju tal-2016 kien hawn 9,560 każ pendenti li juri tnaqqis sostanzjali meta pparagunat mal-11,208 każ pendenti li kien hemm fl-ewwel sitt xhur tal- 2012 u aktar minn 18,000 każ pendenti fl-ewwel sitt xhur tal-2000.Ir-rata ta’ ħeffa tal-kawżi fil-Qorti Ċivili naqset ukoll minn 651 ġurnata fl-ewwel nofs tal-2012 għall- 611 ġurnata fl-ewwel nofs tal-2016.
Fil-Qrati Kriminali, f’dawn l-aħħar tlett snin, ir-rata ta’ każijiet li jidħlu u jinqatgħu telgħet minn 95% għal 106%. Dan ifisser li qed jinqatgħu aktar każijiet milli qed jidħlu.
Ir-rata ta’ ħeffa tal-kawżi f’dawn l-aħħar tlett snin, turi ukoll progress f’numru ta’ Qrati Kriminali. Filfatt, f’dawn l-aħħar tlett snin kien hemm żieda fil-ħeffa minn 289 ġurnata fl-ewwel nofs tal-2014 għall-267 ġurnata fl-ewwel nofs tal-2016.
Irreġistrat ukoll tnaqqis fl-ammont ta’ kawżi pendenti fil-kamp kriminali bin-numru ta’ każijiet pendenti jonqos b’540 għall-14,301 każ fl-ewwel nofs tal-2016 meta pparagunat ma’ tliet snin ilu.