Il-maġġoranza tas-settur turistiku f’Għawdex u l-ħaddiema li jaħdmu f’dan is-settur ma ġewx affetwati mill-pandemija tal-Coronavirus, dan grazzi għall-għajnuna finanzjarja li offra l-Gvern f’dan iż-żmien.
Juri dan stħarriġ mill-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex li sar ma’ diversi operaturi tat-turiżmu f’din il-gżira, fosthom ma’ sidien ta’ ristoranti, ċentri tal-għadis, attrazzjonijiet turistiċi, trasport, aġenziji tal-ivvjaġar u akkomodazzjonijiet.
Il-President tal-Assoċjazzjoni tat-turiżmu Għawdxija Joe Muscat qal li diversi negozji Għawdxin ma keċċewx lill-ħaddiema hekk kif dawn ġew mgħejjuna minn skemi tal-Malta Enterprise.
“Għalkemm 71% tal-istabilimenti turistiċi Għawdxin jinsabu magħluqin għal raġunijiet ovvji, 81% ma tawx sensji lill-ħaddiema imma żammewhom. Din hija figura pjuttost għolja u dan nemmnu li ġej mill-fatt illi s-settur turistiku bbenefikaw ukoll mill-iskemi tal-ME”
L-istħarriġ juri li sebgħa u sittin fil-mija tan-negozji Għawdxin jimpjegaw anqas minn għaxar ħaddiema, dsatax fil-mija jimpjegaw bejn għaxra u erbgħin ħaddiem filwaqt li tnax fil-mija tan-negozji għandhom aktar minn erbgħin persuna taħdem magħhom.
Ħmistax fil-mija tal-operaturi qalu li l-ħaddiema tagħhom kollha qed jaħdmu b’ħinijiet imnaqqsa, tmienja fil-mija tal-operaturi qalu li mhux il-ħaddiema kollha qed jaħdmu b’ħinijiet imnaqqsa u wieħed u sebgħin fil-mija ddikjaraw li bħalissa għandhom in-negozju magħluq.
Is-Sur Muscat qal li għalkemm fiż-żmien li ġej ser naraw turiżmu intern bejn il-Maltin u l-Għawdxin, xorta waħda qed isiru diskussjonijiet sabiex wara l-pandemija dawn in-negozji, li l-maġġoranza huma żgħar, jibqgħu joperaw fis-settur turustiku Għawdxi.